68 mara u 46 raġel, total ta’ 114-il gradwat, irċivew il-warrant biex jipprattikaw ta’ avukati mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici. F’ċerimonja li saret kmieni wara nofsinhar, il-Ministru Bonnici feraħ lill-avukati ġodda u sostna dwar l-importanza u r-responsabbiltà li l-professjoni ġġib magħha. Ħeġġiġhom biex jimxu mal-Kodiċi tal-Etika, kif ukoll iġibu ruħhom b’serjetà u responsabbiltà peress li qed jirrapreżentaw il-ġustizzja. L-etika twassal lill-avukati biex jiżnu dak li huwa tajjeb quddiem iċ-ċirkostanzi li jkunu quddiemhom.
Il-Prim Imħallef, Joseph Azzopardi, qal li jgħaddi kemm jgħaddi żmien il-professjoni tal-avukat trid tibqa’ taqra l-liġi, li sservi ta’ linja gwida għall-avukati. Qal ukoll li l-liġi ma tippermettix id-diżonsetà, id-diżonestà hija periklu f’din il-professjoni.
Matul dan l-aħħar żmien saru bosta riformi li wasslu għall-aktar tisħiħ fis-settur l-aktar kruċjali f’pajjiżna. Il-Ministru qal li kull waħda minnhom hija pass ‘il quddiem biex insaħħu s-saltna tad-dritt u d-demokrazija. Fost in-numru ta’ riformi li saru, hu semma t-tneħħija tal-preskrizzjoni minn fuq il-politiċi li jagħmlu att ta’ koruzzjoni, il-liġi dwar il-midja u malafama, it- tisħiħ tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, u t-twaqqif tal-Bureau għall-Irkupru tal-Assi.
Il-Ministru Bonnici qal li fl-2018 inħatar Prim Imħallef ġdid, kif ukoll ta’ tliet maġistrati u tleit imħallfin ġodda li wasslu għal avveniment storiku f’pajjiżna. Għall-ewwel darba fil-ġudikatura hemm maġġoranza ta’ nisa, b’total ta’ 23 mara u 22 raġel. Din hija kisba pożittiva ħafna speċjalment meta nħarsu lejn ħames snin ilu meta 35% biss tal-ġudikanti kienu nisa.
Il-Ministru temm bl-awguri tiegħu lil dawk preżenti, kif ukoll irrefera għall-impenn li għandu tal-Gvern u l-Ministeru għall-Ġustizzja f’dan il-qasam u qal l-professjonisti l-ġodda huma jistgħu jkunu parti minn din ir-riforma ħolistika fil-ġustizzja.