Hillary Clinton, saret l-ewwel mara fl-Istati Uniti li rnexxielha tikseb in-nomina tal-partit biex tkun il-kandidat għall-elezzjoni presidenzjali f’Novembru li ġej. L-Associated Press qed tirrapporta li stħarriġ li għamlet ma’ dawk li jissejħu ‘superdelegates’ wera kif Clinton kisber biżżejjed appoġġ minn fosthom biex isserraħ rasha li se tkun hi l-kandidat. Dan wara xhur ta’ kampanja iebsa ħafna mas-Senatur Bernie Sanders. Kampanja ħarxa iktar mistennija fil-ħames xhur li ġejjin ma’ Donald Trump. Din l-aħbar ħarġet lejliet elezzjonijiet primarji ewlenin f’California u New Jersey fost oħrajn.
Bernie Sanders mhux jaċċetta r-riżultat tal-istħarriġ tal-AP u ta l-kelma li se jibqa’ jiġġieled għan-nomina. Fost oħrajn qed jittama li jirbaħ California bil-għan li jġiegħel numru ta’ delegati demokratiċi jerggħu jaħsbuha. Rapporti fl-Istati Uniti qegħdin jgħidu wkoll li l-President Barak Obama qed iħejji biex jiddikjara pubblikament l-appoġġ għall-kandidatura ta’ Clinton.