Bit-tema “Go Wild for Life”, iċ-Ċentru tal-Biedja fl-Għammieri fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku.
Dan matul il-jum tal-Ħadd, f’Jum l-Ambjent: riflessjoni ta’ kif is-soċjetà qed tikkollabora man-natura u l-biodiversità.
Fl-Għammieri ttellgħu diversi attivitajiet dwar dawn l-annimali, u dan bir-raġun, hekk kif fl-istess post jinsabu annimali uniċi f’Malta, li forsi ftit huma li jafu bihom.Fiċ-ċentru tal-attivitajiet kien hemm it-tfal, b’esperti jagħtu spjegazzjoni sabiex juruhom kif f’Malta hawn annimali li huma fil-periklu li jiġu estinti.
Fi żjara fl-istess post, Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera spjega kif pajjiżna għandu erbgħa u tletin sit fuq l-art li huma Natura elfejn. Dawn ikopru madwar 14% tal-art kollha madwar Malta u Għawdex: xi ħaġa li tpoġġi lil Malta fuq ta’ quddiem f’dan l-aspett fl-Unjoni Ewropea.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd Roderick Galdes spjega kif l-ambjent huwa qasam priorita fuq l-aġenda tal-Gvern, u elenka l-ħafna xogħol li sar f’dan is-settur f’dawn l-aħħar tliet snin.
Fisser kif b’kollaborazzjoni u sinerġija m’għaqdiet mhux governattivi ambjentali, żdied l-infurzar, u ġew eradikati illegalitajiet li kienu jagħmlu l-ħsara lill-ambjent.