Tkellimna ma’ Patrick Camilleri li għall-ewwel darba għamel l-isfida tar-Remax Alive 2017 Cycling Challenge. Għalkemm mhux l-ewwel darba li għamel avventura bir-roti, għalih din hija l-ewwel darba bir-road bike. Id-diffikultajiet waqt l-avventura ma naqsux, iċ-ċiklisti kienu motivati għall-aħħar.
Il-grupp beda l-perkors tiegħu minn Copenhagen fid-Danimarka, kompla lejn Berlin fil-Ġermanija fi triqtu lejn Warsaw fil-Polonja. B’hekk se jkunu qed ikopru d-distanza ta’ 1,100km f’ġimgħa jiġifieri madwar 165km kuljum.
Ovvjament dan jirrikjedi preparamenti kbar kemm fiżiċi kif ukoll mentali. Fil-fatt, il-parteċipanti bdew it-taħriġ tagħhom fil-bidu ta’ Marzu. “Il-preparament fiżiku jikkonsisti fi 17-il ġimgħa taħriġ. B’kollox għamilt kważi 250 siegħa taħriġ biex inkun lest, iżda il-preparament mentali wkoll fih tiegħu. Barra minn hekk irridu niftakru li din hija għal skopijiet filantropiċi. Kull ċiklist irid jiġbor mill-inqas €2,400.”
Ir-Remax Alive 2017 Cycling Challenge jara ’l fuq minn 45 ċiklist li bejn is-7 u s-16 ta’ Lulju għamlu sfida bir-roti bl-għan nobbli li jiġbru fondi għall-Alive Charity Foundation. Din hija l-ewwel fondazzjoni karitattiva li bdiet tiġbor fondi sabiex isiru riċerki mediċinali f’Malta. Fl-ewwel erba’ snin minn mindu twaqqfet ġabru mal-€365,000 f’donazzjonijiet għar-riċerka dwar il-kanċer kif ukoll għall-kura. Ir-riċerka diġà tat riżultati importanti ħafna, bi skoperti rivoluzzjonarji li għenu sabiex jiġi identifikat iktar malajr il-kanċer u jingħata trattament speċifiku l-kanċer tas-sider u dak tat-tfal.
Il-kumitat tal-ALIVE pprovda Sports Nutritionist sabiex ikellem lill-parteċipanti fuq l-ikel li għandhom jikkunsmaw, atleta u rappreżentanti ta’ diversi prodotti biex iħarrġuhom fuq l-idratazzjoni u kkonsulta wkoll ma’ professjonisti fejn jidħol il-programm ta taħriġ. “Konna ppreparati kważi għal kollox kemm mentalment u anke fiżikament. Forsi mhux daqshekk fuq it-temp għax kellna ftit xita mhux ħażin iżda dak żgur li ma tistax taħseb għalih.”
Madanakollu, kif jgħid Camilleri stess l-avventura kienet organizzata sal-inqas dettall. “Konna magħqudin flimkien. Il-grupp li kont jien fih konna 13 u kap li jieħu ħsieb ir-rotta. Incidenti mat-triq ikollok imma xejn speċjali għax li taqa’ bir-rota hija xi ħaġa normali jew forsi tkisser xi spoke jew tieħu xi puncture. Kien hemm grupp tal-mountain bikes darba nqabdu mingħajr ilma u kienu fil-kampanja u kien hemm mara li daħħlithom ġewwa u tathom ilma u kafè.”
Iżda fuq kollox jibqa’ jispikka l-element ta’ karità. “Bi ftit tbatija u b’sagrifiċċju tista’ tieħu pjaċir biċ-challenge u tkun ukoll qed tgħin lil ħaddieħor. X’hemm isbaħ min hekk?”
Il-pubbliku jista’ jkompli jgħin billi jagħti donazzjonijiet. Donazzjonijiet jistgħu jsiru fuq is-sit wwww.alivecharity.com, jew b’SMS 50617364 – €2.33, 50618081 – €4.66, 50618913 – €6.99, 50619208 – €11.65. Jistgħu jintbagħtu ċekkijiet indirizzati lill-ALIVE Charity Foundation, fl-indirizz ALIVE Charity Foundation, 5, Sqaq Nru 2, Triq tad-Dawl, Żebbuġ.