Il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, ġarret madwar miljun u mitt elf passiġġier matul l-iskeda tas-sajf.
Fi stqarrija, l-kumpanija qalet li l-ajruplani tagħha kienu mimlijin aktar minn medja ta’ disgħin fil-mija f’kull titjira, fil-perjodu ta’ bejn Ġunju u Ottubru.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-linja tal-ajru nazzjonali, David Curmi, sostna li dawn ir-riżulatati juru li qed tintlaħaq il-mira tal-kumpanija, li tipprovdi konnetività regolari u stabbli f’kull ħin. Huwa żied jgħid kif il-kumpanija aspirat li tkabbar il-fiduċja fil-klijenti tagħha għall-kuntrarju tal-kanċellazzjonijiet esperjenzati matul dan is-sajf minn diversi linji tal-ajru oħra.
Fil-fatt, l-Air Malta kienet waħda mill-linji tal-ajru li lanqas ikkanċellat titjiriet, filwaqt li l-livelli ta’ dewmien u tfixkil baqa’ jinżamm f’livell baxx. Dan speċjalment rigward l-isfidi li kienu qegħdin jaffaċċjaw bosta ajruporti madwar l-Ewropa.
Curmi tenna’ wkoll li għall-ġejjieni l-Air Malta se tkun qed tkompli taħdem bl-istrateġija tagħha dik li ttir lejn bliet Ewropej ewlenin, b’mod dirett jew inkella permezz ta’ diversi ftehimiet li għandha l-linja tal-ajru nazzjonali.
Intqal ukoll kif l-Air Malta għandha l-ħsieb li fil-futur qarib ttir lejn ħames destinazzjonijiet ġodda filwaqt li tkompli topera dawk preżenti.
B’hekk qiegħed ikun smtat li jiżdiedu mal-għoxrin fil-mija t-titjiriet tal-linja kull ġimgħa, għal total ta’ mija, ħamsa u ħamsin titjira fil-ġimgħa.