Madwar 1,100 ġenitur ta’ tfal taħt is-16-il sena u tfal b’diżabbiltà severa, gawdew mill-benefiċċju temporanju tal-Covid minħabba l-għeluq tal-iskejjel. Dan minn fost 1,422 applikant, għalhekk kważi 78% ta’ dawk li applikaw għal dan il-benefiċċju kienu eliġibbli.
Bil-pagament ta’ tmiem din il-ġimgħa, l-ispiża se tkun laħqet €580,000. Din is-somma titla’ għal €645,000 hekk kif il-benefiċċjarji tħallsitilhom il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali.
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon tenna li dan l-eżerċizzju wera għal darb’oħra kemm dan il-Gvern jintervjeni u jieħu azzjoni, fl-aqwa interess tal-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru Michael Falzon fakkar kif minn meta bdiet il-pandemija kien hemm numru ta’ miżuri soċjali addizzjonali sabiex ħadd ma jaqa’ lura u fl-istess waqt baqa’ jingħata kull benefiċċju preċedenti.