Il-pulizija Żvediża qalet li ħdax-il persuna sfaw maqtula f’ċentru tal-edukazzjoni għall-adulti f’dak li l-Prim Ministru Ulf Kristersson iddeskriva bħala l-agħar delitt tal-massa fl-istorja tal-pajjiż.
L-attakk seħħ għan-nofs siegħa ta’ wara nofsinhar ilbieraħ f’Campus Risbergska fil-belt ta’ Orebro. Diversi persuni oħra kienu feruti, fejn mill-anqas ħamsa ttieħdu l-isptar b’erbgħa minnhom jiġu operati u wieħed minnhom jinsab f’qagħda kritika.
Iċ-ċentru huwa wieħed għal nies li għandhom aktar minn 20 sena fejn fost l-oħrajn jiġi mgħallem l-Iżvediż lill-immigranti kif ukoll isiru programmi għal nies b’diżabilitajiet mentali. L-isparatura seħħet wara li ħafna mill-istudenti kienu diġà telqu hekk kif kien għadu kemm intemm eżami nazzjonali.
Ilbieraħ filgħaxija, waqt konferenza tal-aħbarijiet, intqal li s-susspettat prinċipali kien mejjet u aġixxa waħdu u għalhekk ma kienux qed jistennew aktar attakki. Madankollu xorta għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet biex jassiguraw dan. Għalkemm il-mottiv wara l-attakk għadu mhux magħruf qed ikun eskluż li kien xi att ta’ terroriżmu speċjalment għax ma kien hemm l-ebda indikazzjoni minn qabel li kien se jseħħ.
Bħalissa għaddejja ħidma sabiex ikun identifikat il-qattiel u anke l-vittmi. Ix-xena tad-delitt tant kienet fi stat diżastruż li l-pulizija kellha diffikultà sabiex tidentifika eżatt in-numru tal-vittmi.