11-il tunellata ta’ ikel u mediċina li ngħatat b’donazzjoni minn Malta lill-Palestinjani bħalissa tinsab fi triqitha lejn il-Ġordan.
Fuq il-paġna EU Civil Protection & Humanitarian Aid intqal kif dan il-bastiment marittimu li hu ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea bħalissa jinsab fi triqtu.
Intqal kif l-Unjoni Ewropea ttenni mill-ġdid li hi kommessa li tkompli twassal l-għajnuna meħtieġa lejn Gaza biex tgħin tnaqqas il-kriżi umanitarja.
Ftit jiem ilu kien tħabbar kif pajjiżna se jibgħat għajnuna umanitarja lill-poplu Palestinjan fil-Medda ta’ Gaza.
Dan permezz tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li se jkun qed jibgħat provvisti tal-ikel, ilma u mediċini għall-poplu li bħalissa qed jiffaċċja diffikultajiet kbar biex jaċċessa dawn ir-riżorsi importanti.
Il-Prim Ministru kien irrimarka kif ma’ din l-għajnuna tant meħtieġa, Malta tibqa’ tkun vuċi favur id-djalogu u l-paċi u tenna l-pożizzjoni ta’ pajjiżna favur waqfien mill-ġlied b’mod permanenti. Qal li dik il-vuċi nibqgħu nwassluha f’kull fora lil hinn minn xtutna għax twassal il-ġid għall-umanità.