John Paul Charles Woods, is-suspettat ewlieni bil-qtil ta’ dik li kienet il-maħbuba tiegħu Charlene Farrugia, kien ġie interrogat mill-pulizija ħdax-il sena ilu dwar l-għajbien tagħha, iżda dak iż-żmien ma qajjem l-ebda suspett li seta’ kien hu l-moħħ wara dan il-qtil mill-aktar makabru.
Kien is-Sibt li għadda li Woods stqarr mal-Pulizija li kien hu li qatel lil Charlene Farrugia f’appartament fil-Qawra fl-2008 u li ħeba partijiet minn ġisimha f’għar fil-Furjana.
Ġie rrapurtat li s-Sibt li għadda Woods seta’ kien taħt l-effet tal-alkoħol u tad-droga u li l-Pulizija ilha minn dakhinar tipprova tikseb aktar informazzjoni mingħandu dwar kif seħħ l-omiċidju.
Fost oħrajn il-pulizija għad trid tistabbilixxi l-arma li ntużat u x’ġara eżatt dakinhar li qatilha. Madankollu jidher li Woods qed iżomm ħalqu mitbuq.
Ingħad li fl-għar instabu biss biċċiet tas-saqajn u tar-ras tal-ġisem, iżda għalkemm il-pulizija jaħsbu li dawn huma ta’ Farrugia, xorta waħda għad iridu jkunu t-testijiet tad-DNA li jikkonfermaw dan sabiex ikunu jistgħu jixlu lil Woods bil-qtil ta’ Farrugia.
Bħalissa Woods qed jiskonta sentenza ta’ seba’ snin ħabs wara li nstab ħati ta’ attentat ta’ hold up u li kiser żewġ kundizzjonijiet ta’ probation.
It-tfajla, li kienet tgħix il-Qawra, kienet taħdem bħala carer fid-Dar tal-Providenza u ġiet irrappurtata nieqsa fis-7 ta’ Novembru ta’ ħdax-il sena ilu. Hija dehret l-aħħar issuq karozza tal-għamla Toyota Platz ta’ kulur ġriż bil-pjanċi tar-reġistrazzjoni CBQ-803.
Il-Pulizija kienet stabbilit li Charlene marret għall-karozza d-Depot tal-Pulizija biex tiġbor il-karozza li kienet ġiet ikkonfiskata b’rabta ma’ investigazzjoni li kienet għamlet il-pulizija wara li Woods ġabar pakkett minn lukanda li fih allegatament kien hemm id-droga. Minn hawnhekk Charlene kellha tiltaqa’ ma’ żewġt iħbieb il-Furjana izda jidher li din il-laqgħa baqgħet ma saret qatt u ħadd aktar ma sema’ b’aħbarha.