Fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla l-Korp tal-Pulizija se jniedi 4 taqsimiet oħra ta’ pulizija fil-komunità li bejniethom se jkunu qed jolqtu 11-il lokalità madwar Malta.
Dan ħabbru l-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia fejn spjega li wara s-suċċess tal-proġett pilota li qed isir fil-Mellieħa issa l-Korp ħass il-ħtieġa li jkompli jsaħħaħ dan il-kunċett.
Fost id-distretti li fihom se jiddaħħal il-Pulizija qalb il-komunità hemm dak tar-Rabat li flimkien mal-lokalità tar-Rabat se jkunu qed jibbenefikaw il-lokalitajiet tal-Imtarfa, l-Baħrija, l-Imdina u Ħad-Dingli.
Farrugia sostna li bis-saħħa ta’ dan il-proġett l-Pulizija qed isiru jafu aktar lill-komunità li jkunu qed iservu fiha. Il-Ministru Michael Farrugia sostna: “Community policing fejn għandek persuni illi ħa jkunu qed iduri fi ħdan il-korp, jiltaqgħu mal-korp, isiru jafu lir-residenti u r-residenti jsiru jafu lilhom bħala parti mill-istrateġija kontra l-kriminalità.”
L-ewwel proġett ta’ pulizija fil-komunità ġie implimentat fil-Mellieħa xahrejn ilu fejn il-Pulizija wettqu aktar minn ħames mitt siegħa ta’ rondi bil-mixi, mexxew kampanji t’għarfien, taw 170 twissija u arrestaw numru ta’ persuni li nqabdu jwettqu reat.
Bħala parti mill-proġett il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kien offra uffiċċju fil-bini tal-kunsill li fih iċ-ċittadini jistgħu jmorru jitkellmu mal-pulizija.