Il-Pulizija qalet għall-ħabta tan-nofsiegħa, il-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit u l-Għassa taż-Żurrieq ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza tagħhom f’Safi Barracks, f’Ħal Kirkop.
Dan wara li kien ġie nnutat ammont kbir ta’ duħħan iswed.
Il-Pulizija marru fuq il-post fejn irriżulta li kienet tqabbdet tinda u saret xi ħsara fil-post waqt li kienet qed issir rewwixta minn grupp t’immigranti irregolari.
Waqt li kienet qed tingħata l-assistenza neċessarja, Kuntistabbli tal-Pulizija kien milqut minn biċċiet tal-ħadid li kienu qed twaddbu mill-immigranti u kellu jittieħed iċ-Ċentru tas-Saħħa.
Fuq il-post issejħu membri tal-Protezzjoni Ċivili li kkontrollaw n-nirien.
B’rabta ma` dan il-każ, ħdax-il persuna li kienu qed jieħdu sehem f’din ir-rewwixta ġew arrestati bl-assistenza tal-uffiċjali tad-detenzjoni u ttieħdu l-Kwartieri Ġenerali għal iżjed stħarriġ.