11-il bajja f’Malta u f’Għawdex kisbu ċ-ċertifikat minn ġurija internazzjonali biex għal sajf ieħor itajru l-bandiera blu.
Dan iċ-ċertifikat juri li l-bajjiet għandhom kwalità tal-ilma tajjeb għall-għawm u li huma operati b’mod sostenibbli.
Il-bajjiet magħżula f’Malta huma l-Bajja ta’ Buġibba, Fond Għadir f’Tas-Sliema, il-Bajja ta’ Golden Sands, il-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa, l-Għadira, il-Bajja ta’ Fra Ben fil-Qawra u bajja privata ta’ lukanda f’San Ġiljan.
F’Għawdex il-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien u r-Ramla l-Ħamra ngħataw il-bandiera l-blu.
Bajja li s-sena l-oħra kienet rikonoxxuta ma kinitx inkluża fil-lista ta’ din is-sena minħabba li qed isir xogħol ta’ manutenzjoni fuqha.
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li dawn il-bajjiet ġew rikonoxxuti għal sena oħra.
Hija sostniet: “Dan huwa premju prestiġġjuż mhux għaċ-ċittadin Malti biss imma għat-turist li se jkun qed iżurna fix-xhur li ġejjin. Dan huwa ċertifikat ieħor li l-prodott turistiku Malti, dan il-pajjiż u dan il-Gvern investa fih u qed ikun itejjbu minn żmien għall-ieħor.”
Il-Fondazzjoni Internazzjonali għall-Edukazzjoni Ambjentali, irrappreżentata lokalment minn Nature Trust, qalet li għalkemm dawn il-11-il bajja qed jingħataw ċ-ċertifikat tal-bandiera blu, jekk isirx l-għawm fihom jew le se jkun dipendenti fuq x’jiddeċiedu l-awtoritajiet tas-saħħa fid-dawl tal-imxija tal-Covid-19.