Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura 11-il appartament tal-housing fin-naħa t’isfel tal-Belt li reġgħu ħadu l-ħajja b’invesitiment ta’ €750,000.
L-appartamenti għaddew f’idejn l-Awtorità tad-Djar fil-preżenza tal-Prim Minsitru Robert Abela wara xogħol ta’ tisbiħ mill-korporazzjoni għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir. Dan fil-preżenta tal-Ministri Ian Borg u Rodrick Galdes u s-Segterarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li dan il-proġett se jipprovdi ambjent ta’ dar lil dawk li l-iktar jeħtieġu l-għajnuna. Huwa spjega: “Qed nirrestawraw u nerġgħu nagħtu ħajja mill-ġdid binjiet li ilhom abbandunati għexieren ta’ snin. Allura l-obbligu li għandu l-Gvern huwa li joħloq blokki ta’ appartamenti bħal dawn u anke palazzi antiki li jistgħu jintużaw għal skop soċjali billi jagħmel proġetti bħal dawn. Dan mhuwiex l-ewwel wieħed infatti hemm proġett ieħor ftit ‘il bogħod minn hawn bl-iskop li jkunu rriġenerati.”
Waqt li ddawwar mal-appartament fejn seta’ jinnota x-xogħol kbir li sar, il-Prim Ministru tkellem dwar l-investiment bla preċedent li qed isir fil-qasam tal-housing wara snin li matulhom ma sar xejn.
Qal li dmir tal-Gvern li jidħol f’każijiet fejn familji ma jistgħux jaslu biex ikollhom saqaf fuq rashom. Waqt li stqarr li mhux aċċettabbli li f’pajjiżna jkun hawn imqarr familja waħda bla saqaf fuq rasha, huwa kien ċar u qal li l-housing qiegħed biss għal min għandu bżonnu.
Il-Prim Ministru qal li l-investiment fis-settur qed isir ukoll permezz tal-investiment ta’ €100 miljun mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Qal li b’dawn il-fondi qed jinbdew 1,700 appartament ġdid waqt l-identifikazzjoni ta’ siti abbandunati li jinbidlu f’appartamenti tal-housing.
Dr Abela sostna: “Riġenerazzjoni soċjali, it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tan-nies, il-fatt li n-nies ikollhom housing aktar affordabbli, waħda tikkumplimenta lil oħra. Dak ifisser meta jkollok Gvern li jkollu viżjoni, Gvern li jkun pożittiv, Gvern li jkun kommess li jkun kommess li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies anke fl-iktar faxxa l-isfel.”
Meta mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li dik li kienet id-ditta legali tiegħu m’għadhiex illeċenzjata fil-programm tal-IIP sabiex ma jkun hemm l-ebda ħjiel ta’ kunflitt ta’ interess.
Il-Prim Ministru wieġeb: “Bis-saħħa tal-IIP bħalissa qed jinbnew housing soċjali f’aktar minn għoxrin sit madwar il-pajjiż f’aktar minn 20 sit madwar il-pajjiż. Ejja ma nippruvawx inkissru il-housing soċjali, l-IIP kien kontributur kbir biex dan il-pajjiż ikollu fondi biżejjed biex ikun jista’ jibni l-housing soċjali.”
Mistoqsi dwar laqgħat li kellu ma’ sidien ta’ djar li ġarrbu ħsarat minħabba xogħlijiet li jmissu mal-proprjetajiet tagħhom, il-Prim Ministru qal li għaddejjin diskussjonijet biex jiġi pprovdu rimedju.
Qal li l-Awtorità tad-Djar intervjeniet biex toffri saqaf lill-familji milquta. Madankollu kellu kliem ċar fil-konfront tal-kuntratturi involuti. Il-Prim Ministru stqarr: “Dawn huma nuqqasijiet li saru mill-iżviluppaturi jew mill-kuntratturi u jridu jerfgħu l-piż tagħhom. Bħala Gvern qegħdin nintervjenu imma fl-aħħar mill-aħħar il-piż finali u r-responsablita finali jrid iġorrha min ikkaġuna l-ħsara.”