Fl-ewwel xahar sħiħ minn meta f’pajjiżna daħlet is-sistema tal-punti kien hemm 2,836 sewwieq li tilfu l-punti minħabba kontravenzjonijiet li għamlu speċjalment minħabba sewqan eċċessiv. Fil-fatt minn dawn kien hemm 2,132 li qabżu l-limitu sa inqas minn 15-il kilometru fis-siegħa iktar, filwaqt li 289 għamlu dan b’iktar minn 15-il kilometru fis-siegħa.
Kategorija oħra li rat diversi sewwieqa jitilfu l-punti għalkemm b’numri ferm inqas hija ta’ dawk li ma tawx każ is-sinjali tat-traffiku u jew għamlu u-turn jew inkella daru lejn in-naħa fejn mhux suppost għamlu dan. Kwistjoni oħra li toħloq periklu u għalhekk telf ta’ punti. Minn dawn kien hemm 211.
Dawk li l-punti tilfuhom għaliex inqabdu fuq il-mobile kienu 109, li jfisser ftit inqas minn erbgħa kuljum.
Meta wieħed iqis li f’Malta għandna iktar minn 250,000 sewwieq liċenzjat, in-numri ta’ dawk li tilfu l-punti jistgħu jidhru mhux tant, għalkemm fil-każ tas-sewqan kull każ jista’ jiswa ħajja. Fil-fatt, nies li jsegwu s-settur mill-qrib spjegaw kif is-sistema tal-punti ħalliet impatt minnufih fejn daħlet ċertu dixxiplina u għalkemm l-abbuż diffiċili jinqata’ għalkollox, anke r-riżultati li kellha l-pulizija fi żminijiet ta’ festi juru li hawn iktar kuxjenza. Minn dawk li tilfu l-punti, 131 għad għandhom liċenzja bi probation. Li jfisser ma jkunux ilhom li għaddew mit-test iktar minn tliet snin. Dawn it-tip ta’ sewwieqa issa ilhom bis-sistema tal-punti żmien. Il-kumplament, 2,705 huma dawk li l-liċenzja tagħhom ma kinetx suġġetta għall-punti sa Novembru li għadda.
Minn tagħrif li kisbet Transport Malta jirriżulta li kien hemm tliet każi fejn fl-ewwel xahar intilfet liċenzja. Għalkemm jirriżulta li t-tlieta li huma nzertaw sidien ta’ kumpaniji b’ħafna vetturi u ma kinux konxji ta’ kif taħdem is-sistema, biex minflok kitbu jew infurmaw li l-vetturi tagħhom isuquhom xufiera differenti, ħallsu ċ-ċitazzjonijiet mal-ewwel kif għamlu dejjem. Dan sakemm tellgħu t-12-il punt u kienu mgħarrfa li se jkollhom il-liċenzja rtirata, biex issa huwa mistenni li f’dan il-każ ikun hemm appell. Dan ikun ifisser li fl-ewwel xahar ma kien hemm ebda xufier individwali li qabeż it-12-il punt. It-12-il punt li fl-imgħoddi kienu assoċjati ma’ xi ħaġa sabiħa, anke minħabba l-Eurovision, u llum ma jridhom ħadd!