F’sena li kienet ikkaraterizzata minn pandemija, ir-reġistru tal-avjazzjoni ta’ Malta, jew kif magħruf aħjar bħala 9H, ra żieda ta’ mija u tmien ajruplani.
Issa b’kollox dan ir-reġistru Malti għandu madwar sitt mitt ajruplan.
Dan intqal propju f’konferenza dwar l-avjazzjoni, MACE, li qed tittella’ bħalissa f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan.
Hawnhekk ONE News tkellem ma’ wieħed mill-Ko-Fundaturi ta’ din il-konferenza, Jonathan Dalli, fejn spjega kif is-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna huwa wieħed ta’ suċċess.
Qal, “Ċertament li din hija industrija ta’ suċċess, iġifieri jekk tħares lejn ix-xogħol li qed jagħmlu Transport Malta u d-direttorat tas-civil aviation, ir-reġistru 9H ta’ Malta huwa ċertament ta’ suċċess u Malta għandha tkompli titiqies bħala ġurisdizzjoni favorita Ewropea għal sistema tal-avjazzjoni.”
Fil-konferenza din is-sena kien hemm aċċenn partikolari fuq is-sostenibbilità fil-qasam.
Ġew diskussi wkoll metodi differenti ta’ kif dan is-settur jista’ jirkupra b’mod mgħaġġel minħabba d-daqqa li laqqat fil-pandemija.
Spjega, “Id-diskors tas-sostennibilità mill-ambjent u anke fuq att finanzjarju. Industrija li trid toħloq bilanċ, dak huwa messaġġ importanti ħafna.”
Il-konferenza laqgħet aktar minn 35 kelliem lokali u internazzjoni, inkluż il-Ministru għat-Trasport Ian Borg, id-Direttur Ġenerali għall-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta, il-Kaptan Charles Pace, l-eks xjentista tan-NASA, Dr Anita Sengupta u l-Vlogger tal-ivjaġġar Noel Phillips.