107 Uffiċjal tal-Pulizija ġew rikonoxxuti għas-servizz tagħhom fil-Korp tal-Pulizija. Minnhom, 26 huma nisa.
F’ċerimonja fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija numru ta’ uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija ingħataw midalja ta’ rikonoxximent għas-servizz tagħhom fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
62 membru li ilhom 18-il sena jagħtu servizz, ingħataw midalja ghal Servizz twil u efficjenti. Dan filwaqt li 45 membru reġgħu ingħataw midalja oħra wara li ilhom jagħtu servizz bejn 25 u 30 sena.
Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar faħħru lill-membri tal-Korp tal-Pulizija għas-servizz tagħhom.
Vizibilment emozzjonat il-Kummissarju tal-Pulizija tkellem dwar ix-xniejat li reġgħu qegħdin isiru biex jirriżenja.
Qal li ta’ kuljum isaqsi x’għamel f’dawn is-sentejn biex hawn dawn it-talbiet u xniehat biex jirriżenja. Qal li meta jħares lura, sentejn ilu sab għadd ta’ diffikultajiet iżda bl-għajnuna t’Alla irnexxilhom jingħelbu dawn l-isfidi: “Bil-ħidma tagħkhom il-pulizija irnexxielna jkollna ħidma ta’ suċċess”.
Hawn sema l-qabdiet tad-droga u kif ġew imkissra organizazzjoniet kriminali.
Qal kif saret ħidma biex ikun hemm titjieb fil-kundizzjonijiet tal-pulizija fosthom fix-xiftijiet: “Sakemm nħoss li għandi l-appoġġ tal-familja u minnkhom, sakemm saħħti tibqa’ ttini, se nkompli naħdem”.
Qal li l-unika dispjaċir tiegħu li qlajjiet bħal dawn jistgħu joħolqu inċertezzi fil-Korp tal-Pulizija.
Il-Ministru Michael Farrugia ħabbar ukoll li l-Gvern se joħroġ bi proposta sabiex il-ħaddiema taċ-ċivil ikollhom assigurazzjoni. Fosthom il-ħaddiema tal-Forzi tal-Ordni, bl-assigurazzjoni tkoprihom jekk iweġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijthom.
Dwar l-uniformijiet, il-Ministru Farrugia qal li sas-sena li ġejja l-Pulizija se jkollhom uniformi ġdida. Se jkollhom uniformi uffiċjali, u oħra għall-ħidma ta’ kuljum. Bħalissa hemm proċess għat-tender u l-evalwazzjoni tal-kwalità u materjal tal-uniformi.