Fi ftit sigħat, fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, twaqqfu 105 vetturi waqt spezzjonijiet f’Tas-Sliema u seba’ persuni nżammu b’rabta ma’ immigrazzjoni irregolari u permessi ta’ residenza skaduti.
Dawn flimkien ma’ persuni oħra li nżammu wara li nstabu li kienu qegħdin isuqu karozzi Y-plate mingħajr il-permessi neċessarji ta’ Transport Malta. Kien hemm anke żewġ vetturi li ġew irmunkati.
Din il-ħidma qiegħda ssir bħala parti minn spezzjonijiet kontinwi, ikkoordinati mill-Pulizija, flimkien ma’ Transport Malta, Jobs Plus u s-Servizzi tad-Detenzjoni, bil-għan li jinżammu toroq aktar siguri.
Il-maġġoranza tal-vetturi mwaqqfa kienu qed iħarsu r-regoli u fejn ma kinux, ittieħdet azzjoni immedjata.
Fl-ispezzjonijiet saru tfittxijiet fil-vetturi, iċċekjar fuq il-Y Plates u l-permessi relatati, kif ukoll verifikazzjonijiet tad-dokumenti ta’ residenza b’rabta mal-immigrazzjoni irregolari. Uħud min-nuqqasijiet li nstabu kien hemm sewwieqa mingħajr liċenzja, liċenzji mhux imwaħħla, użu ta’ mobile phones waqt is-sewqan, fost kontravenzzjonijiet oħra.
Fi stqarrija, il-Korp tal-Pulizija tenna li l-awtoritajiet tal-infurzar qed jingħaqdu b’mod kontinwu bil-għan li f’Malta u f’Għawdex ikun hawn toroq siguri.
L-appell jibqa’ dejjem biex ikunu mħarsa r-regolamenti għax jekk kulħadd jieħu ħsieb xulxin, ikunu evitati konsegwenzi mhux mixtieqa.