Mija u ħames tobba ġodda bdew l-impjieg tagħhom mas-settur tas-saħħa pubblika wara li temmew b’suċċess l-istudji tagħhom fil-mediċina.
Dawn it-tobba gradwaw mill-Università ta’ Malta kif ukoll minn universitajiet oħra madwar l-Ewropa.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, iltaqa’ ma’ wħud minn dawn it-tobba fl-Isptar Mater Dei, li huwa wieħed mill-isptarjiet fejn se jaħdmu dawn it-tobba fis-sentejn li ġejjin sabiex jiksbu l-esperjenza neċessarja għall-pass li jmiss fil-karriera tagħhom.
Minbarra fl-Isptar Mater Dei, dawn it-tobba se jagħtu s-servizz tagħhom ukoll fl-Isptar Karen Grech, fl-Isptar San Vinċenz de Paul, u fl-Isptar Monte Karmeli.
Iżjed tobba ġodda mistennija jingħaqdu ma’ dan il-grupp fix-xhur li ġejjin, biex b’hekk għal din is-sena jkunu ngħaqdu mija u sitta u tletin tabib ġdid.
Id-Deputat Prim Ministru feraħ lil dawn it-tobba għall-isforzi akkademiċi tagħhom u awguralhom vjaġġ ta’ taħriġ b’saħħtu issa li ngħaqdu fis-sistema tas-saħħa.
Huwa fakkarhom li l-professjonisti tas-saħħa huma s-sinsla tas-servizz eċċellenti li jingħata f’ pajjiżna u ħeġġiġhom sabiex jistinkaw u jżommu l-ogħla livelli ta’ kwalità ta’ servizz lill-pazjenti.