Is-7 ta’ Ġunju tal-1919. Bħal-lum 104 snin, erba’ Maltin – Wenzu Dyer, Ġużeppi Bajada, Manwel Attard, u Karmenu Abela – tilfu ħajjithom qalb l-inġustizzji li kien qed isofri l-poplu Malti taħt il-ħakma Ingliża.
Dakinhar tal-irvellijiet tas-Sette Giugno, Maltin minn kull qasam tas-soċjetà telgħu l-Belt sabiex jagħtu l-appoġġ lill-Assemblea Nazzjonali mmexxija mit-tabib tar-ruħ, Filippo Sceberras. L-Assemblea kellha tfassal kostituzzjoni ġdida biex imbagħad igħadduha lill-Gvern Ingliż.
F’dan iż-żmien, il-Maltin ma kellhom l-ebda drittijiet politiċi, minħabba li kienu ttiħdulhom qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija.
Il-poplu Malti kien qed isofri minn diversi inġustizzji, mhux biss politiċi iżda anki soċjali.
Wara l-gwerra, dak iż-żmien imsejħa “il-Gwerra l-Kbira”, il-prezz tal-ħobż kien ittripla u eluf spiċċaw bis-sensja mit-tarzna.
Dakinhar, il-Maltin telgħu l-Belt u hemmhekk is-suldati Ingliżi fetħu n-nar fuq il-folla.
Il-Maltin attakkaw l-istamperija tal-gazzetta favur l-Ingliżi, The Malta Daily Chronicle, u attakkaw ukoll l-imħażen tal-qamħ, fosthom dik ta’ Cassar Torregiani.
Għall-ewwel darba wara iżjed minn mitt sena ta’ ħakma Ingliża, il-Maltin urew sentiment b’saħħtu kontra l-ħakma barranija.
Sentejn wara li l-Maltin xerrdu demmhom, il-Gvern Ingliż ta Kostituzzjoni ġdida, li fisser it-twelid tal-Parlament Malti.
Dan kien l-ewwel pass biex, snin wara, Malta kisbet l-indipendenza, saret Repubblika, u kisbet il-Ħelsien.