Pulizija Franċiż li fil-jum tal-Ġimgħa daħal f’ħanut miżmum minn terrorist biex jeħles ostaġġ tilef ħajtu wara diversi sigħat jissielet għal ħajtu fl-isptar.
Il-logutenent Arnauld Beltrame ta’ ħamsa u erbgħin sena ġie msejjaħ bħala eroj mill-President Franċiż Emmanuel Macron.
Il-mewt ta’ dan il-pulizija tħabbret mill-Ministeru tal-Intern fejn intqal li Franza mhux se tinsa l-att kuraġġuż ta’ dan ir-raġel.
Tliet persuni oħra nqatlu, f’attakk terroristiku fi Franza.
Dan seħħ f’ħanut tal-merċa, meta raġel daħal, ħa xi ostaġġi, u beda jispara fuq in-nies.
L-attakk, li beda għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu fil-belt ta’ Trebe fin-Nofsinhar ta’ Franza, sar minn Marokkin li beda jgħid li għamel dan f’isem l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku.
Il-Marokkin inqatel ukoll meta finalment il-pulizija Franċiża nnewtralizzaw l-attakk.