Waqt attività li saret ġewwa l-Aula Magna fil-Belt Valletta, 102 persuni ngħataw ċertifikat wara li temmew b’suċċess il-kors Għaqal id-Dar, Ħajja Aħjar. Il-parteċipanti kienu ġejjin mil-lokalitajiet tal-Mosta, Kirkop, Sliema u Paola.
Meta kien qed jindirizza lil dawk preżenti, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia faħħar il-ħidma kollha li qed issir min-naħa tal-kunsilli lokali flimkien mal-Home Economics in Action.
Permezz ta’ dan il-kors aktar nies qegħdin jitgħallmu fost l-oħrajn kif iqassmu flushom aħjar u jagħmlu budget, kif iġemmaw u jinvestu bil-għaqal, kif jistgħu jippjanaw għall-bidu ta’ negozju żgħir jew kif jidħlu fid-dinja tax-xogħol, u ngħataw gwida ta’ kif jsajru dieta aktar bilanċjata fost l-oħrajn.
Il-Ministru Farrugia feraħ lill-parteċipanti kollha filwaqt li saħaq li huwa kommess li jkompli bil-ħidma sabiex aktar familji jkollhom l-għajnuna li għandhom bżonn. Huwa temm jgħid illi fil-Budget li jmiss il-Gvern se jkun qed jindirizza lil dawk il-familji u persuni li għandhom dħul baxx.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo qal li dawn il-korsijiet huma parti mil-viżjoni tal-Gvern għal politika soċjali favur komunitajiet aktar b’saħħithom.
“Aħna nemmnu li l-familji tagħna għandhom il-kapaċitajiet tagħhom u kull individwu jista’ jirnexxi u jgħix kwalità ta’ ħajja tajba kemm-il darba jkollhom il-volontà li jagħmlu dan”, qal is-Segretarju Parlamentari Buontempo.
Numru sabiħ ta’ persuni attendew għal dan it-taħriġ; 355 persuna fl-aħħar sentejn. Dan ifisser li dawn il-persuni illum għandhom iċ-ċans illi b’ dak li tagħlmu jtejbu l-mod ta’ kif huma u l-familji tagħhom jgħixu permezz ta’ aktar għaqal fid-dar.
Aktar kmieni id-Direttur tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali Adrian Mifsud preżenta mozzjoni li se tkun qed titressaq f’kull kunsilli lokali sabiex huma jkomplu jgħinu familji u persuni li jesperjenzaw diffikultajiet varji, fosthom dawk finanzjarji u mard fil-familja, permezz ta’ aktar inizjattivi ta’ taħrig uinkluzjoni soċjali.
Is-sensiela ta’ korsijiet li jmiss bit-tema ‘Għaqal id-Dar, Ħajja Aħjar’ se jibdew fl-aħħar ġimgħa ta’ Settembru fil-lokalitajiet ta’ Bormla, Żabbar, Birkirkara u x-Xagħra, Għawdex. Il-korsijiet jingħataw b’xejn u dawk li jixtiequ jippartecipaw jistgħu jikkuntatjaw il-kunsill lokali jew ifittxu fuq Facebook il-paġna bl-isem ‘Għaqal id-Dar, Ħajja Aħjar.’