- ĠENITURI MRESSQA L-QORTI B’ RABTA MAL-ASSENTEIŻMU
Fuq medda ta’ seba’ snin, kienu iktar minn għaxart elef il-ġenituri li tressqu l-Qorti akkużati li naqsu mili jibgħatu t-tfal tagħhom l-iskola primarja jew sekondarja, bla skuża valida. Mill-figuri mogħtija f’ risposta għal mistoqsija Parlamentari li saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, irriżulta li kull sena jkunu ‘l fuq minn elf ġenitur li jitressqu l-qorti, bl-iktar sena skolastika li rat ġenituri jiksru l-liġi Maltija tal-edukazzjoni minn dan l-att kienet dik tal-2010 u l-2011 b’ 1770 każ.
Dan b’ kuntrast mas-sena ta’ qabel meta kienet irreġistrata l-inqas rata ta’ ġenituri mressqa l-qorti f’ kemm ila tinżamm din l-istatistika b’1,152 każ.
Is-sena skolastika li għaddiet ukoll irreġistrat rata relattivament baxxa, b’ elf, mija tmienja u tmenin ġenitur mressaq il-qorti. Il-maġġoranza assoluta ta’ każijiet t’assenteiżmu abitwali li wasslu l-ġenituri l-qorti huma dawk fl-iskejjel sekondarji tal-gvern, fejn il-medja hi li għal kull tlett ġenituri ta’ tfal li m’attendewx l-iskola sekondarja tal-gvern, hemm ġenitur wieħed bl-istess nuqqas f’livell primarju.
Qabża kontrastanti irriżultat bejn skejjel tal-gvern u dawk tal-knisja. Bħala medja, kull sena l-ġenituri li għandhom it-tfal fl-iskejjel tal-gvern u li tressqu l-qorti ammontaw għal disgħa u tmenin fil-mija tal-ammont totali, bil-ġenituri tat-tfal li jattendu l-iskejjel tal-knisja jammontaw għal ftit għexieren.
Filwaqt li dawk li jibgħatu lit-tfal fl-iskejjel indipendenti u li uliedhom fallew l-iskola bla skuża valida tgħoddhom fuq id waħda. Il-Ministru Evarist Bartolo fakkar li fl-iskejjel tal-Gvern, qed jingħata servizz ta’ Ħidma Soċjali biex jitnaqqas l-assenteiżmu fejn ħaddiema soċjali flimkien mas-social support workers jintervjenu fl-ambjent edukattiv, familjari u soċjali tal-istudent.
Din il-kollaborazzjoni hija essenzjali minħabba d-diversi raġunijiet li jwasslu għal assenteiżmu tal-istudenti fosthom problemi familjari, problemi ta’saħħa fiżika jew/u mentali, l-ibbuljar, abbuż ta’ sustanzi abbużivi kif ukoll abbuż fiżiku, emozzjonali jew traskuraġni fost oħrajn.