S’issa saru 10,000 viżita mill-infermiera tal-komunita fid-djar tal-pażjenti tan-uroloġija, b’medja ta’ mitejn pazjent fil-ġimgħa. Servizz li qed jiffranka diffikultajiet kbar lil dawn il-pażjenti, li fil-maġġoranza tagħhom għandhom problemi ta’ mobiltà, u għalhekk kien ikollhom iserrħu fuq il-membri tal-familja jew fuq is-servizz tal-ambulanzi biex imorru Mater Dei għall-kura regolari.
Fi żjara fid-dar ta’ Frances Farrugia, pażjent li jibbenefika minn dan is-servizz, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne stqarr li s-servizz tal-kura fid-djar qed jingħata f’oqsma oħra bħall-ortopedija, home antibiotics u tal-qwiebel.
Is-sur Farrugia stqarr magħna li min mindu beda jibbenefika mis-servizz qed iħossu iktar komdu u li għandu iktar serħan il-moħħ li mhux se jqatta’ ġranet l-isptar. Bi tbissima fuq wiċċu ma naqasx l-apprezzament għar-riżors uman, tant li qalilna li l-kelmtejn li jgħidlu n-nurse tiegħu, Kevin Holmes, qabel jitlaq minn daru jagħtih il-kuraġġ “itik spinta biex tkompli taqdef, mhux il-kura biss”.
Fearne fisser kif minbarra iktar kumdità għall-pazjenti, is-servizz ta’ kura fid-dar tfisser inqas riskju li l-pazjent jittieħed mill-mard tal-isptar u li ma jinqabżux l-appuntamenti għax il-pazjent ma jħossux b’saħħtu biżżejjed biex joħroġ mid-dar jew mgħandux għajnuna biex jipprepara għall-isptar.
Il-Ministru qal ukoll li dan qed iwassal għal inqas iffullar fl-isptar, filwaqt li l-ispiża fuq il-gvern tonqos minn €250 għal €60 ewro kull pazjent meta l-kura tingħata fil-komunità.