Fil-Parlament, il-Prim Ministru ħabbar iktar kolaborazzjoni maċ-Ċina. Din id-darba fil-qasam tat-turiżmu.
Żvela l-iffirmar ta’ żewġ memorandum of understanding mal-Bank of China u mal-Beijing Caissa International Travel Services. Dan tal-aħħar huwa l-akbar aġent turistiku fiċ-Ċina u anke jifforma parti mill-kumpanija tal-ajru Hainan Airlines.
Qal li l-għan huwa li jinġiebu 10,000 turist Ċiniz sal-2018, li jitilgħu sa 50,000 sal-2020. Riżultat ieħor tal-envoy.
Dan ikompli jsaħħab ir-rabta tajba li diġa hemm mal-pajjiż Ċiniż, hekk kif ftit tax-xhur ilu kien iffirmat memorandum of understanding ma’ Huawei fuq l-ittestjar tal-5G f’pajjiżna.
Il-ftehim mal-Gvern Ċiniż ikkonsista wkoll mill-ftuħ ta’ ċentru ġdid tal-mediċina Ċiniża fl-Isptar San Luqa.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Muscat fakkar fis-setturi ġodda li dan il-Gvern ġab investimenti kbar fihom.
Investimenti li l-Partit Nazzjonalista dejjem ikkritika, oppona u għamel minn kollox biex jipprova jħammiġhom.
Fl-edukazzjoni, dan il-Gvern indirizza l-pluraliżmu fl-edukazzjoni permezz tal-American University of Malta u l-Barts and the London School of Medicine and Dentistry.
Dan tal-aħħar jifforma parti minn investiment ta’ iktar minn mitejn miljun ewro li l-Vitals Global Healthcare qed tagħmel kemm f’pajjiżna u kif ukoll f’Għawdex.
Huma se jibdew jamministraw il-binjiet tal-isptar San Luqa, Karin Grech u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Ma’ dawn hem setturi oħra. Fosthom dak tal-loġistika f’Ħal Far, fejn minflok l-Oppożizzjoni trid tkabber il-Freeport f’ODZ.