1,000 tunellata skart. Daqshekk inġabar minn disa’ Kunsilli Lokali li pparteċipaw fi proġett pilota tal-borża organika.
Dan tħabbar mill-Ministru Jose Herrera waqt li qed issir konferenza internazzjonali dwar is-sostenibilità tal-ikel u l-immaniġjar ta’ skart bioloġiku. Hemm ukoll il-kampanja edukattiva “Don’t Waste Waste”, bil-għan li jkun evitat il-ħela fl-ikel filwaqt li l-iskart jintuża b’mod intelliġenti.
Il-konferenza kienet indirizzata mill-Ministru għall-Ambjent Jose’ Herrera, il-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella u ċ-Chairman tal-Wasteserv David Borg.
Karmenu Vella qal li 20% tal-ikel madwar l-Ewropa jinħela, li jfisser €143 biljun moħlija. Dan filwaqt li nies oħra qed jitilfu ħajjithom minħabba l-ġuħ. Fakkar ukoll li sal-2020, il-popolazzjoni dinjija se taqbeż id-9 biljun ruh, u dawn jeħtieġ li jkollhom x’jieklu.
Pajjiżi Ewropej mistennija jressqu proposta komuni dwar l-immaniġjar tal-iskart.