Ġie ffirmat ftehim dwar il-klinika fl-isptar Mater Dei li toffri trattamenti u mediċina tradizzjonali ċiniża.
Dan il-ftehim ifisser li dawn it-trattament li se jkunu qed jingħataw minn professjonisti Ċiniżi se jitħallas mil-Gvern Ċiniż filwaqt li trattamenti fiċ-Ċina li jsiru minn professjonisti Maltin jitħallsu mill-Gvern Malti. Dan il-ftehim se jkun qed issaħaħ il-mekkaniżmu li diġa’ kien qed jitħaddem miż-żewġ Gvernijiet.
Il-Ministru għas-saħħa Chris Fearne qal li dan l-iżvillupp huwa frott diskussjonijiet twal filwaqt li spjega li dawn it-trattamenti Ċiniżi saru popolari mal-pazjenti Maltin, tant li fl-2016 10,000 Malti rrikkorew għal dawn it-trattamenti.
Total ta’ 70 professjonist diġa’ kienu qed jaħdmu f’pajjiżna u dan il-ftehim se jġib lejn pajjiżna sitt professjonisti oħra Ċiniżi li se joffru s-servizzi tagħhom fl-isptar Mater Dei. Il-Ministru saħaq il-ħtieġa li dan is-servizz jespandi mhux biss għal pazjenti Maltin iżda anke għal turisti mediċi.