Għaxart elef pazjent f’pajjiżna li għandhom id-dijabete u jikkontrollawha b’dieta tajba u mediċini, bdew igawdu minn mediċina ġdida li tgħin iżżomm il-kundizzjoni taħt kontroll.
L-Erbgħa filgħodu fil-Parlament, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li fl-aħħar ġimgħat ġiet introdotta mediċina ġdida fuq il-formularju tal-Gvern, bl-isem ta’ Jardiance, għal persuni li għandhom id-dijabete Tip 2, b’investiment ta’ ħames miljun ewro fis-sena.
Huwa stqarr: “Din hija mediċina relattivament ġdida li tagħmel differenza kbira għal dawk il-pazjenti, mhux it-Type 1 għax dawk iridu jieħdu l-insulina, għal dawk il-pazjenti li huma Type 2 u li tista’ tevita li ħafna minnhom ikollhom bżonn imorru għall-insulina jiġifieri din hija mediċina li introduċejna f’dawn l-aħħar ġimgħat, Jardiance, se nkunu qegħdin nagħtu iżjed dettalji ta’ kif wieħed jaċċessaha u kif wieħed, il-Professur tiegħu, ikun jista’ jeqilbu fuqha biex jikkontrolla aħjar id-dijabete.”
Chris Fearne tkellem ukoll dwar is-sistema ta’ moniteraġġ kontinwu taz-zokkor li sa issa qed igawdu minnha tfal u żgħażagħ ta’ taħt is-sittax-il sena.
Is-sena d-dieħla, din se tiġi estiża għal żgħażagħ ta’ bejn is-sittax u l-wieħed u għoxrin sena.
B’din is-sistema, il-professjonisti u l-pazjenti jkunu jistgħu jissorverljaw il-livell taz-zokkor tat-Tip 1 erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, biex jekk il-livell taz-zokkor fid-demm, jogħla jew jinżel ħafna, apparti li dak li jkun jiġi notifikat bl-app fuq il-mobile, il-professjonisti jkunu jistgħu jċemplu lill-pazjent u jiggwidawh dwar x’għandu jagħmel.
Id-Deputat Prim Ministru sostna: “Bħala pajjiż sħiħ, Malta biss daħħalnieha din is-sistema, jiġifieri din hija xi ħaġa innovattiva ħafna. Hemm ċentri barra minn Malta fejn ikollok sptar u min hu abbonat miegħu, għandu dis-sistema, imma pajjiż komplut, aħna biss għamilnieha. Hemm żewġ kumpaniji li qegħdin jieħdu ħsiebha din is-sistema, u dawn kellhom u għandhom il-ħtieġa li jiżviluppaw is-software biex din tkun tista’ timxi ma’ pajjiż sħiħ.”
Il-Ministru għas-Saħħa ħabbar ukoll li fix-xhur li ġejjin, se jinfetaħ ċentru ta’ eċċellenza tad-dijabete f’Ħal Qormi, biex il-kura dejjem tingħata eqreb iċ-ċittadin fil-komunità: “Dan ifisser li ħa nnaqqsu mil-load ta’ Mater Dei, dak xorta jibqa’ għax importanti, imma ħa nkunu nistgħu nagħtu servizz iżjed komplut li persura tmur ġo post u tinqeda mill-bżonnijiet kollha tad-dijabete ma toqgħodx tiġri minn post għall-ieħor f’Ħal Qormi. Dan qed naħdmu fuqu bħalissa u nkunu nistgħu nvarawh fis-sena li ġejja.”