Għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Qaritona Nazzjonali, bit-tema ‘READ – Any Time, Any Place’, qed jitqassmu aktar minn għaxart elef kopja ta’ ħrejjef oriġinali fl-iskejjel Primarji kollha tal-Gvern.
Il-ktieb, ‘Ħerba f’Art il-Ħrejjef’, miktub miż-żagħżugħ Benjamin Portelli, hu maħsub biex iħeġġeġ lit-tfal jintilfu fid-dinja tal-qari u jħeġġiġhom jużaw it-talenti tagħhom ħalli jipproteġu d-dinja.
Il-Qaritona Nazzjonali qed issir għas-seba’ darba u hi organizzata mill-Malta Trust Foundation u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu; immirata biex tistimula l-kreattività tat-tfal, trawwem fihom l-imħabba lejn il-ktieb, u din is-sena għandha l-għan ukoll li taqsam ideat għal ambjent aktar ekoloġiku u b’saħħtu.
It-tnedija saret fl-Iskola Primarja ta’ Pembroke mill-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, u ċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.
Il-President Emeritu qalet li din l-inizjattiva ġġorr magħha wkoll għan nobbli.
“Il-ħsieb hu wkoll li t-tfal, once li qed jaqraw, bl-attivitajiet li jsiru fl-iskola, jiġbru fondi biex jgħinu tfal li ma jarawx jew tfal li ma jitkellmux, ħalli mbagħad il-Malta Trust Foundation tkun tista’ tkompli tixtri apparat speċjalizzat għal dawn it-tfal ħalli jikkomunikaw u jaċċessaw l-informazzjoni għall-istudji tagħhom.”
Il-Ministru Grima esprima x-xewqa li aktar tfal jinteressaw ruħhom fil-kitba.
“Il-viżjoni tagħna tħares lejn l-importanza tal-litteriżmu fit-tfal tagħna li tant hu kruċjali biex l-istess tfal u studenti jkollhom l-għodod neċessarji biex jilħqu l-iżvilupp sħiħ tagħhom.”
Il-Qaritona se tibqa’ għaddejja fl-iskejjel kollha sa Mejju, u għandha bħala maskot lil Ben il-Ballotra.