Taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela nħolqu 10,000 impjieg ġdid. Hekk irrappurtat il-gazzetta KulĦadd li nnutat kif minkejja l-isfidi bla preċedent li ġabet magħha globalment il-pandemija, pajjiżna kompla jara tnaqqis drastiku fil-qgħad.
Il-gazzetta rrappurtat kif sa tmiem l-2019 kien hemm ’il fuq minn 229,000 persuna b’impjieg full time filwaqt li inqas minn 62,000 kienu impjegati part-time.
Iżda sal-aħħar ta’ Mejju ta’ din is-sena, il-livell ta’ persuni li jaħdmu full-time qabeż numri rekord ta’ iżjed minn 237,000. Dan filwaqt li dawk li jaħdmu part-time telgħu għal kważi 66,000.
Dan ifisser li fi żmien 17-il xahar l-impjiegi part-time żdiedu b’aktar minn 2,200 filwaqt li l-impjiegi full-time żdiedu bi kważi 8,100.
Dan ifisser li nħolqu mal-20 impjieg ġdid kuljum.
B’hekk ir-rata li biha nħolqu l-impjiegi kienet ta’ darbtejn u nofs aktar minn dik tul it-tliet leġislaturi ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti qabel il-bidla fl-amministrazzjoni fl-2013.
Il-gazzetta kompliet tirrapporta kif b’kuntrast mar-rettorika tal-Partit Nazzjonalista l-persentaġġ ta’ impjiegi mal-Gvern huwa inqas minn dak tal-2013. Dan hekk kif f’Mejju li għadda l-porzjon ta’ impjiegi full-time mal-Gvern kien biss ta’ 21.5% filwaqt li fl-2013 dan kien ta’ 26.6%.
Taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela 70% taż-żieda tal-impjiegi fis-settur pubbliku kienet fil-qasam tas-saħħa u fl-edukazzjoni.
F’Għawdex ukoll kien hemm żieda fl-impjiegi full time.
Din laħqet l-1,328 impjieg b’79 biss minnhom ikunu mal-amministrazzjoni pubblika.