10,000 ħaddiem fis-settur pubbliku minn 30,000 impjegat qegħdin igawdu minn miżuri favur il-familja.
Filwaqt li 2,000 impjegat ieħor qegħdin jaħdmu bir-reduce hours fejn ma jaħdmux il-ġranet kollha tal-ġimgħa.
Ħabbar dan il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar, fil-ġimgħa tas-servizz pubbliku. Spjega li filwaqt li l-ħaddiema jibbenefikaw minn dawn il-mizuri, il-pubbliku xorta baqa’ jingħata servizz effiċjenti.
Cutajar stqarr li “Hija kwistjoni ta’ manegment. Ikunu jafu li għandhom bżonn il-family friendly measures. Jiftehmu mas-sħabhom. 10,000, ċifra kbira imma hija l-viżjoni ta’ kif qasam is-servizz”.
Il-Kap taċ-Ċivil qal li 9,000 persuna ngħataw opportunità ta’ taħriġ sabiex ikomplu javvanzaw u jtejbu s-servizz tagħhom lejn il-pubbliku.
Is-Sur Cutajar qal li 6 snin ilu, in-nies kienu jgergru dwar id-Dipartimenti tal-Gvern, iżda llum it-tgergir naqas u għandna servizz pubbliku li joffri servizz effiċjenti u jingħata r-rikonoxximenti.
Dan huwa r-riżultat tal-investiment li sar fosthom li s-servizzi governattivi jkunu aċċessibbli 24 siegħa kuljum minn fuq il-mobile u li tagħti l-informazzjoni tiegħek lill-Gvern darba sabiex taċċessa dipartimenti tal-Gvern.
Il-Kap taċ-Ċivil qal li l-viżjoni tal-Gvern hi li mmorru lejn servizz pubbliku ta’ eċċelenza. Sostna li l-pass li jmiss huwa li fid-dipartiment tal-Gvern ikun hemm persuni inkarigati li jaraw li kull impjegat jilħaq l-iżvilupp tiegħu.
Cutajar tenna li “Kull dipartiment għandu jkun armat. Ikunu trianed, biex jagħrfu l-bzonn tan-nies u kemm ħtiġijiet ta’ żvilupp ħalli persuna taqdi l-funzjoni tagħha aħjar”.
Il-Kap taċ-ċivil indirizza wkoll konferenza dwar il-ħarsien u l-appoġġ li jingħataw il-ħaddiem tas-settur pubbliku.
Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena 230 impjegat tal-Gvern fittxew l-għajnuna mill-Employee Support Programme.
L-Assistent Direttur ta’ dan is-servizz Stelmart Khalil tkellmet dwar l-appoġġ li joffri dan il-programm u liema huma dawk l-aktar ħaddiema li jfittxu l-għajnuna minn dan il-programm.
Khalil qalet li “Id-dipartiment l-iktar li jiġu minnhom huma korpi dixxiplinat, saħħa u edukazzjoni. Jiltaqgħu ma nies vulnerabbli u sitwazzjonijiet diffiċli”.
Mario Cutajar fisser li kif qal il-Prim Ministru, is-servizz pubbliku jrid ikun l-id il-leminija tal-gvern u kull investiment li jsir fil-ħaddiema tas-settur pubbliku huwa investiment fil-poplu Malti.