Bil-frażi “Ġustizzja u Serħan il-Moħħ” fl-isfond, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar riforma li se tindirizza l-problema fil-liġi tal-kera ta’ qabel l-elf, disa’ mija u ħamsa u disgħin, li se tgħin lil xejn inqas minn għaxart elef familja.
Bl-għajta li mhu se jħalli lil ħadd waħdu jew bla saqaf fuq rasu, il-Prim Ministru qal li dan il-Gvern qatt ma beża’ mill-isfidi, u b’kuraġġ u determinazzjoni dejjem għaraf x’inhuma r-realtajiet.
Qal kif, “Sid ta’ proprjetà milquta b’kirja protetta m’għandux dritt ikeċċi lil dak il-kerrej li jkun jeħtieġ il-protezzjoni fil-kirja, imma jekk iħoss li mhux jirċievi ammont ta’ kera xieraq għall-proprjetà tiegħu jista’ jibda proċeduri quddiem bord li jirregola l-kera sabiex jiġi ffissat l-ammont ta’ kera xieraq. Din il-kirja bl-emendi tista’ titla’ sa 2% tal-valur tal-proprjetà fuq is-suq.”
Fil-Birgu, il-Prim Ministru qal li se titwaqqaf taqsima ġdida fi ħdan l-Awtorità tad-Djar biex tassisti u toffri lill-inkwilini servizz legali b’xejn.
Dr Abela fakkar li wara r-riforma tal-elfejn u għaxra, li kienet ġiet ikkundannata mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Qrati baqgħu jagħtu sentenzi li kkundannaw l-Istat għal danni ta’ miljuni ta’ ewro.
Ir-riforma ta’ Gvern b’ruħ soċjali se tindirizza l-bżonnijiet tal-pensjonanti milquta.
Spjega, “Lill-pensjonanti la qatt ħallejnihom waħedhom u lanqas se nħalluhom waħedhom illum. Il-pensjonanti kif ukoll min jgħix bil-benefiċċji soċjali se jingħataw benefiċċju li jkopri ż-żieda tal-kera kollha, sa massimu ta’ 10,000 għal kull familja.”
Dawk li jaħdmu full-time mhux se jħallsu aktar minn ħamsa u għoxrin fil-mija tad-dħul tagħhom fuq il-kera, biex jgħixu kwalità ta’ ħajja diċenti.
Sostna, “Se jkun ikopri id-differenza bejn il-25% tad-dħul annwali tal-inkwilin u l-kera li se jkun qed iħallas hekk kif stabbilita fil-bord li jirregola l-kera, il-benefiċċju ta’ kera li se jkun qed javvanza l-istat, hawn ukoll se jkun ta’ massimu ta’ 10,000 ewro fis-sena.”
Il-Prim Ministru spjega li min jgħix fi proprjetà b’valur għoli ħafna li jaqbeż in-nofs miljun ewro se jiġi mgħejjun ukoll, iżda jekk l-inkwilin ma jkunx jista’ jħallas id-differenza tal-kera kif stabbilita mill-bord u titla’ aktar minn għaxart elef ewro fis-sena, il-Gvern se joffri residenza alternattiva.
Il-Prim Ministru qal li fil-ġimgħat li ġejjin dak li tħabbar illum se jsir liġi, li eventwalment isserraħ moħħ eluf ta’ familji.
Qal, “Din hija riforma ġusta li se tagħtu ċertezza u serħan il-moħħ u twettaq ġustizzja. Għal darb’oħra Gvern immexxi minni qed jimplimenta riforma li ġġib ġustizzja soċjali.”
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega kif din ir-riforma se tkun is-soluzzjoni għal problema li ilha takkumula s-snin.
Spjega, “Nemmen bis-sħiħ li din hija s-soluzzjoni denja, soluzzjoni li tirrfiletti l-impenn sħiħ lejn id-dritt li l-individwi u l-familji jgawdu djarhom fis-sigurta. Tirrifletti wkoll li s-soċjeta immaturat u magħha għandhom jimmaturaw il-liġijiet, soluzzjoni li għaqdet il-katina ta’ soluzzjonijiet li kien ilhom snin meħtieħa fis-settur, riformi kuraġġużi li qed jassiguraw alternattiva ta’ akkomodazzjoni għal kulħadd.”
In-nefqa proġettata għal din ir-riforma fl-ewwel sena se tkun ta’ miljun ewro, tliet miljuni fit-tieni sena u ħames miljun ewro fit-tielet sena.