Qabdu ritmu tajjeb ix-xogħlijiet ta’ afforestazzjoni fi spazju li sa ftit ilu kien tħalla abbandunat biswit il-Port Ħieles f’Bengħajsa.
Fi żjara fuq is-sit mil-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera, id-Direttur Ġenerali ta’ Ambjent Malta Herman Galea spjega li sa issa diġà tħawlu 1,000 siġra indiġena. Dan minn 9,000 ippjanati għall-ewwel fażi fuq medda ta’ 40,000 tomna art.
Is-Sur Galea spjega: “Fl-ewwel fażi tax-xogħlijiet ħa nkunu qegħdin inħawwlu madwar 9,000 siġra indiġena bħal ħarrub, ċipress u anke qed nagħmlu siġar tal-frott biex jgħin fl-għasfar. Din il-fażi hija mistennija li titlesta lejn l-aħħar ta’ din is-sena jew il-bidu tas-sena d-dieħla.”
Is-Sur Galea stqarr li tul ix-xogħlijiet inqalgħet l-isfida li ma kienx hemm biżżejjed ħamrija, minħabba li din tnaqqret u nġarret fuq medda ta’ snin.
Spjega li għal dan il-għan Ambjent Malta investiet mal-kwart ta’ miljun ewro biex tinġieb ħamrija sabiex is-siġar ikunu jistgħu jikbru b’mod komdu.
Qal ukoll li x-xogħlijet se jieħdu pawża għax-xhur tas-sajf biex jiġi evitat li s-siġar imutu ftit wara li jitħawlu.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Herrera fisser kif din l-art, li ddeskriva li fil-futur ikun buskett żgħir, qed tingħata lura lin-nies minflok ingħatat lill-Port Ħieles sabiex ikabbar l-operat tiegħu.
Dan biex isservi bħala żona bejn ir-residenti u l-Port Ħieles.
Il-Ministru Herrera sostna: “Din iż-żona kollha kienet se tkun l-estensjoni tal-Freeport. Naturalment ma tantx ħadu gost in-nies ta’ Birżebbuġa u wisq inqas jien. Però rnexxieli nikkonvinċi l-Kabinett illi hu meħtieġ li jsir dan il-proġett hawnhekk għax inkella din iż-żona din ir-rokna ta’ Malta konna ser nirvinawha.”
Il-proġett huwa maħsub li eventwalment jara b’kollox mal-20,000 siġra indiġena jitħawwlu f’dan is-sit. Dan fuq spazju ta’ iktar minn 90,000 tomna ta’ art b’investiment totali ta’ kważi nofs miljun ewro.
B’dan il-proġett qiegħed jgħin biex jiżdiedu l-ispazji miftuħa għall-familji u t-tfal filwaqt li jitħawlu iktar siġar madwar il-gżejjer Maltin. Dan filwaqt li jitkompla l-impenn tal-Gvern li jiġġieled it-tibdil fil-klima.