Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa ġie ffirmat kuntratt wara proċess kompetittiv għal sittin sodda oħra fil-privat li qed jintużaw mill-pazjenti Maltin skont il-bżonn.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne fil-Parlament, meta kien qed jispjega x-xogħol li qed isir biex ikun assigurat li kull min jiġi bżonn il-kura fl-isptarijiet Maltin, jinqeda.
Qal, “Il-ġimgħa li għaddiet ħabbart kif bdejna proġett wara proċess kompetittiv ma’ sptar partikolari, mas-St Thomas, fejn għandna ħmistax-il sodda li l-Gvern qiegħed jikri u sala tal-operazzjonijiet, u din il-ġimgħa, nhar it-Tnejn li għadda stess, għadna kemm iffirmajna kuntratt ieħor, wara proċess kompetittiv, għal sittin sodda oħra li bdew jimtlew bilmod, li f’temp ta’ ftit ġranet, bejn Boffa, bejn dawn is-sittin sodda, bejn il-ħmistax-il sodda tas-St Thomas, żidna aktar minn mitt sodda għad-dispożizzjoni tal-pazjenti tagħna.”
Fil-fatt, id-Deputat Prim Ministru spjega wkoll kif hemm numru ta’ sodod li qed jintużaw f’każ ta’ bżonn, fl-iswali rinovati tal-isptar Boffa.
Qal, “Hemm l-isptar Boffa li normalment ma jkunx qed jintuża, bħalissa hemm xi swali li sarilhom refurbishment, u hemm swali oħra li qed isiru. Dawk is-swali li ġew refurbished, hemmhekk ukoll għandna madwar erbgħin sodda li qegħdin jintużaw.”
Chris Fearne spjega kif il-bżonn ta’ aktar sodod ġie hekk kif bħalissa, hemm influss ta’ pazjenti li qed jiġu bżonn il-kura fl-isptarijiet, fost l-oħrajn, minħabba l-Covid, l-influwenza, u mard respiratorju ieħor.
Fl-istess waqt żied jispjega kif għaddejja l-ħidma biex anki jissaħħaħ ir-riżors uman fl-isptarijiet tagħna, fost l-oħrajn b’aktar infermiera Maltin u barranin.