Kien fl-1919 li Malta u Għawdex raw it-twaqqif tal-ewwel Kumitat tal-Festi Esterni, li twaqqaf f’San Ġorġ, Ħal Qormi.
Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan l-anniversarju ferm importanti għad-dilettanti u għal din il-parroċċa, qed titella’ wirja ta’ madwar ħmistax –il statwa kbira, bl-isem ta’ ‘L-Artist fil-Kartapesta, Carmelo Mallia, il-Lhudi’.
Din il-wirja żgur tinżel għasel mad-dilettanti kollha tal-armar tal-festi, għaliex wieħed jista’ jara b’għajnejh statwi tal-kartapesta maħduma aktar minn mitt sena ilu, mill-artist u parruċċan ta’ San Ġorġ, Carmelo Mallia.
Pawlu Sammut, il-Viċi President tal-Kumitat Festi Esterni ta’ San Ġorġ, spejga ma’ One News li minbarra biex ifakkru ċ-ċentinarju tal-kumitat, qed ifakkru wkoll lill-artist, li għamel diversi xogħlijiet kapulavur iżda ismu intesa.
Pawlu Sammut il-Viċi President tal-Kumitat Festi Esterni qal:”Qed din il-wirja sabiex infakkru wkoll persuna li kien fil-bidu tal-Kumitat tal-festa, il-Karmenu Mallia, Statwarju magħruf, però matul iż-żmien u intesa”.
Fost l-istatwi, li inġiebu minn 6 parroċċi differenti madwar Malta u Għawdex, insibu diversi qaddisin bħal San Ġwann, San Ġużepp, San Ġorġ Martri, San Ġuda Taddew u oħrajn.
Is-Sur Sammut żied jgħid li tikkumplimenta din il-wirja għaċ-ċelebrazzjonijiet taċ-ċentinarju, insibu wkoll diversi attivitajiet oħra, bil-qofol tagħhom jintlaħaq bil-festa ewlenija ta’ San Ġorġ Martri.
Huwa kompla billi qal: “Ħa nagħmlu diversi attivitajiet biex nikkomemoraw l-avveniment, fosthom ta’ kull sena niċċelebraw il-festa ta’ San Ġorġ, għax dan hu l-iskop tagħna. Nagħmlu mill-aħjar li nistgħu biex nagħmlu festa li tixraq lil San Ġorġ”.
Wieħed baqgħalu ċans jitpaxxa b’dawn l-istatwi sal-Ħadd sbatax ta’ Frar.
RITRATT: Kumitat Festi Esterni (Qormi)