Għaddew mitt sena minn meta wasal l-ewwel orgni, magħmul mill-familja rinomata Mascioni, f’Malta.
Dan kien wasal fil-parroċċa ta’ Ħal Safi f’April tal-elf disa’ mija u erbgħa u għoxrin, u minn dakinhar, diversi parroċċi f’pajjiżna, inkluż il-Konkatidral ta’ San Ġwann, ordnaw orgnijiet mill-istess familja Taljana.
Kien il-Kappillan Giovanni Battista Ghigo fl-elf disa’ mija u tlieta u għoxrin li ordna l-ewwel orgni, li kellu jkun magħmul minn tastiera ta’ sitta u ħamsin nota u pedaliera ta’ sebgħa u għoxrin, u ntuża l-ewwel darba fl-Għid il-Kbir tas-sena li wasal fiha.
F’Jannar tal‐elf disa’ mija u tnejn u sittin, wara ftehim mad‐ditta Mascioni twaħħal mutur jaħdem bl‐elettriku ħalli jħaddem il‐manfaħ tal‐orgni. Matul iż‐żmien l‐orgni sarulu żewġ interventi ta’ restawr.
F’għeluq dan l-anniversarju se jittellgħu numru ta’ attivitajiet kulturali, ewlieni fosthom kunċert li se jittella’ nhar il-Ġimgħa 12 ta’ April fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Safi.
Permezz tas-siltiet magħżula, wieħed se jkun jista’ japprezza aktar il-versatilità tal-istrument, waqt li jammira t-talent ta’ wħud minn l-aqwa organisti li għandna f’pajjiżna.
Is-Sindku ta’ Ħal Safi, Johann Mula qal li bħala kunsill lokali huwa d-dover tagħhom li mhux biss jippreservaw imma wkoll jippromwovu bl-aħjar mod possibbli l-patrimonju kulturali u storiku tar-raħal.
“Mitt sena ilu meta l-Ordni tal-Parroċċa tagħna ta’ ditta famuża Taljana, li nġib fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Safi, però grazzi għar-riċerka li saret, instab li kien purament l-ewwel Ordni ta’ din id-ditta li ġie installat f’Malta.”
Is-Sindku Johann Mula
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Owen Bonnici tkellem dwar il-fatt li l-istrument tal-orgni fil-knejjes hu aspett distintiv tal-wirt kulturali reliġjuż ta’ pajjiżna.
“Fl-okkażjoni tal-mitt sena anniversarju qed jittella’ programm kulturali inkluż kunċert li se jkun miftuħ għal kulħadd bla ħlas biex inkomplu niċċelebraw l-aspetti li jsawru l-kultura ta’ pajjiżna.”
Il-Ministru Owen Bonnici