Kien fl-ewwel jum ta’ Novembru tal-1921, propju bħal-lum mitt sena, meta l-Parlament Malti kien tlaqqa’ għall-ewwel darba fil-Palazz Maġisterjali fil-Belt.
Għall-ewwel darba l-poplu Malti, wara 121 sena ta’ ħakma Ingliża, kellu Parlament fejn seta’ jieħu d-deċiżjonijiet dwar affarijiet lokali u mhux il-ħakkiem barrani jiddeċiedi għalih.
Dan il-Parlament ġie mwaqqaf bħala parti mill-Kostituzzjoni Amery-Milner, li ngħatat mill-Gvernatur Herbert Plumer f’April tal-1921.
Din il-Kostituzzjoni ġdida ġiet sentejn wara l-irvellijiet tas-Sette Giugno, fejn erba’ Maltin kienu tilfu ħajjithom.
L-ewwel elezzjoni ntrebħet mill-Unione Politica Maltese mmexxi minn Monsinjur Panzavecchia u l-ewwel Prim Ministru kien Joseph Howard.
Apparti l-Parlament kellek is-Senat.
Is-Senat kienet magħmul minn 17-il membru, li kienu membri tal-Kleru u gradwati mill-Università, fost oħrajn.
Fl-Assemblea, li huwa l-Parlament kif nafuh illum, kien hemm 32 membru parlamentari.
F’dan iż-żmien sabiex wieħed jivvota ried ikun raġel li kellu ‘l fuq minn 21 sena, tkun taf tikteb u taqra u jkollok propjetà.
Kien imbagħad fl-1947, meta l-irġiel u n-nisa kollha kellhom dritt sabiex jivvutaw f’elezzjoni.
Wara 93 sena, il-Parlament Malti għall-ewwel darba kellu binja ddedikata għalih.
Dan hekk fl-2015 infetħet il-binja l-ġdida biswit bieb il-Belt.
Mitt sena wara, dan l-avveniment importanti fl-istorja ta’ pajjiżna se jkun qed jiġi mfakkar illum permezz ta’ seduta speċjali fil-Parlament fis-2:30 ta’ waranofsinhar.