Għall-istaġun tas-sajf, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta se jkollu skeda li toffri aktar minn 100 rotta minn u lejn 32 pajjiż.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Din il-ġimgħa ġiet inawgurata rotta ġdida fil-Ġermanja, hekk kif l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ l-ewwel titjira minn Memmingen fil-Bavarja.
Il-linja tal-ajru Ryanair se tkun qiegħda topera żewġ titjiriet fil-ġimgħa lejn din id-destinazzjoni fil-Ġermanja u b’hekk tkompli tittejjeb l-aċċessibbiltà ta’ dan is-suq tant popolari mal-pubbliku lokali.
Żviluppi interessanti oħrajn fir-rigward tal-Ġermanja jinkludu r-ritorn tal-Eurowings, b’titjiriet lejn Hamburg u Dusseldorf, wara nuqqas ta’ ħames snin, kif ukoll il-bidu mill-ġdid ta’ titjira fil-ġimgħa lejn Baden-Baden fir-reġjun tal-Black Forest.
L-Air Malta se tkun qiegħda topera żewġ titjiriet fil-ġimgħa lejn Nizza bħala parti mill-iskeda tas-sajf.
Nizza hija biss rotta waħda mill-ħafna li ser ikunu qegħdin jgħaqqdu lill-gżejjer Maltin ma’ Franza.
Konnessjonijiet oħrajn jinkludu sa sitt titjiriet kuljum lejn Pariġi, żewġ titjiriet fil-ġimgħa lejn id-destinazzjoni sinonima mal-inbid ta’ Bordeaux, u żewġ titjiriet fil-ġimgħa lejn Nantes, fil-Majjistral tal-pajjiż.
L-Italja, li huwa l-aktar suq popolari tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, se tkun qiegħda tgawdi mill-akbar numru ta’ konnessjonijiet matul dan l-istaġun.
In-netwerk ta’ rotot fl-Italja huwa mifrux mit-Tramuntana, b’titjiriet lejn bliet bħal Bergamo u Milan, san-Nofsinhar, b’titjiriet lejn postijiet bħal Bari, Napli, u Sqallija.
Lil hinn minn dawn id-destinazzjonijiet popolari, wieħed jista’ jtir lejn għadd ta’ postijiet oħrajn bħall-pajjiżi Skandinavi tad-Danimarka, in-Norveġja, u l-Iżvezja, u Iżrael u Dubaj fil-Lvant Nofsani, fost l-oħrajn.