Fis-seba’ xhur kemm ilha li daħlet l-Iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb, ġew irriċiklati mitt miljun flixkun tal-plastik.
Kelliem għall-BCRS Malta qal li, f’Ġunju biss, intlaħaq rekord ieħor meta, f’ġurnata waħda – nhar is-Sibt, 24 ta’ Ġunju – ġew irritornati iktar minn seba mija u sittin elf flixkun.
Minn Jannar li għadda ’l hawn, ir-rata ta’ ġbir ta’ kontenituri baqgħet konsistenti: madwar 74 fil-mija.
Il-ġbir medju ta’ kuljum issa huwa ta’ kważi sitt mija u ħamsa u sebgħin elf kontenitur.
Intant, fil-jiem li ġejjin se jibdew jitħaddmu żewġ magni oħra – fil-Park Industrijali ta’ Bulebel u fil-Park Industrijali tax-Xewkija f’Għawdex.