Bejn l-1 ta’ Jannar 2020 u l-lejl illi għadda , il-Pulizija wettqet mat-80 spezzjoni, f’diversi stabbilimenti madwar Malta u Għawdex.
B’kollox ġew imħarrka mal-100 persuna li nqabdu jpejpu fl-istabbilimenti. Madwar 50 persuna oħra ġew imħarrka wara li nqabdu jixorbu minn kontenituri tal-ħġieġ fit-triq. Numru ta’ taħrikiet
oħra nħarġu fil-konfront tas-sidien tal-istabbiliment wara li nqabdu jdoqqu mużika b’volum għoli wara l-ħin stabbilit bil-permess. Taħrikiet oħra nħarġu fil-konfront ta’ persuni li nqabdu jarmu
affarijiet fl-art, kif ukoll inħarġu mas-70 taħrika minħabba kontravenzjonijiet tattraffiku.
L-ispezzjonijiet tal-Pulizija saru f’diversi lokalitajiet, fosthom fil-Birgu, f’Birżebbuġa, f’Bormla, fil-Ħamrun, f’Ħal Luqa, fl-Isla, fil-Kalkara, fil-Marsa, f’Ħal Qormi, fir-Rabat, f’San Ġiljan u f’Paċeville, f’Tas-Sliema, fil-Belt Valletta, f’Ħaż-Żabbar u f’Ħaż-Żebbuġ. Saru wkoll spezzjonijiet fi stabbilimenti f’Għajnsielem u fir-Rabat Għawdex.
Il-Pulizija, fil-waqt li tistenna l-koperazzjoni kemm tas-sidien tal-istabbiliment kif ukoll tal-persuni li jiffrekwentawhom, twissi li jittieħdu l-passi skond il-liġi kontra dawk li ma josservawx il-liġi.
Il-Pulizija tad-Distrett wettqu dawn l-ispezzjonijiet f’diversi stabbiliment u f’toroq sabiex ikun assigurat il-bon-ordni u jaraw li ma jkunux qed jitwettqu llegalitajiet. Dawn l-ispezzjonijiet saru fi stabbilimenti tax-xorb, f’każini u anke f’ristoranti, fosthom dwar tipjip, ħinijiet tal-għeluq, mużika b’volum għoli, xorb f’kontenituri tal-ħġieġ u minuri li jkunu qed jixorbu xorb alkoħoliku.