“Ejja ningħaqdu flimkien kontra kull forma ta’ vjolenza, speċjalment dik il-vjolenza li tiżviluppa f’ambjent familjari li suppost huwa l-post naturali fejn tiżviluppa u tikber l-imħabba’’, qal il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon meta kien qed jindirizza seminar ffukat fuq vjolenza mill-ulied fuq il-ġenituri, li kien organizzat fl-Università antika fil-Belt Valletta.
Il-Ministru Michael Falzon iddikjara li kienu rreġistrati mitt każ fejn tifel jew tifla aggredew wieħed mill-ġenituri tagħhom f’dawn l-aħħar tliet snin. Dawn kienu rapporti li waslu għand l-Aġenzija Appoġġ u li dwarhom ittieħdet azzjoni.
Din hija realtà li qed niffaċjaw, trawma li jkunu għaddew minnha t-tfal meta raw lill-ġenituri tagħhom jkunu vjolenti ma’ xulxin, u sfortunatament jirrepetu dawn l-azzjonijiet billi jkunu vjolenti huma wkoll, qal il-Ministru Michael Falzon. Kompla jgħid li mill-bidu nett tal-ewwel leġiżlatura ta’ dan il-Gvern fl-2013, il-Gvern kien impenjat li jsaħħaħ l-programmi ta’ rijabilitazzjoni għal dawk kollha li jkunu involuti, speċjalment l-agressuri nfushom. Flimkien mal-aġenzija nazzjonali, entitajiet, u stakeholders kien imniedi pjan immirat biex jilħaq l-miri u aktar progress fil-futur.
Il-Ministru Michael Falzon sostna li l-Gvern qed jieħu bis-serjetà dawn il-każijiet u jixtieq jenfasizza l-impenn tiegħu li flimkien mal-imsieħba kollha involuti, speċjalment il-fondazzjoni għas-servizzi tal-ħarsien soċjali, l-FSWS, se jkompli jsaħħaħ l-assistenza ħolistika u speċjalizzata għat-tfal u l-familji li jgħaddu minn xi tip ta’ vjolenza domestika. Iktar minn hekk l-FSWS qed tindirizza din is-sitwazzjoni billi tħarreġ b’mod professjonali l-ħaddiema tagħħa speċjalment dawk li jkollhom kuntatt dirett ma’ dawn il-persuni li jispiċċaw f’sitwazzjonijiet delikati u realtijiet ġodda.
Il-Ministru Falzon stqarr li qed jingħata wkoll servizz ġdid terapewtiku fid-djar stess ta’ dawk milquta minn xi tip ta’ vjolenza. Il-Gvern jinsab ukoll kommess li jimplimenta bis-sħiħ il-konvenzjoni t’Istanbul li ġiet iffirmata u rratifikata fl-elfejn u ħdax, bl-għan li tkun ikkundanata kull tip ta’ vjolenza domestika jew sesswali. “Quddiem dan kollu ejja ningħaqdu lkoll flimkien, kontra kull vjolenza, speċjalment dik għaddejja fil-familji u fid-djar”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.