Wara l-għażla tal-poplu f’Ġunju li għadda l-pajjiż mar lura għan-normalità. Dan iddikjarah il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, li waqt attività politika fir-Rialto, Bormla, emfasizza kisbiet tal-ewwel mitt jum f’din il-leġiżlatura. Tkellem ukoll fid-dettall dwar il-ħidma tal-gvern u l-pjan għall- ġejjieni f’setturi importanti.
Joseph Muscat tkellem dwar kif fl-aħħar xhur il-familji u n-negozji komplew għaddejin bil-ħajja tagħhom u żiedu fil-ħidma u t-trankwilità.
Dan fl-istess ħin li komplew jinkisbu riżultati importanti għall-pajjiżna, fosthom l-aħbar li Malta issa tinsab fil-kategorija A+ tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu Fitch u l-fatt li t-tkabbir ekonomiku laħaq is-6.2%. “Ilna erba’ snin telgħin ‘il fuq u bqajna telgħin ‘il fuq,” qal Joseph Muscat li fakkar kif dan it-tkabbir ekonomiku isegwi oħrajn ikbar qablu u huwa riżultat ta’ għaqda fi ħdan it-tmexxija tal-pajjiż.
“Dan hu l-uniku moviment magħqud. Kien hekk li minn defiċit imxejna għal surplus, minn downgrades għal upgrades, minn inċertezza ġibna ċ-ċertezza,” qal Joseph Muscat.
Fir-Rialto, il-Prim Ministru elenka wħud mill-kisbiet ta’ dawn l-ewwel mitt jum li jvarjaw mill-qasam tas-saħħa, għal dak tal-infrastruttura u d-drittijiet ċivili u l-bonds u l-pensjonijiet għall-anzjani fost ħafna oħrajn. Iffoka wkoll dwar il-bżonn li nħejju għal li ġej.
Air Malta
F’dan il-kuntest tkellem dwar l-Air Malta u qal li l-għan aħħari tal-Gvern hu li l-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta tkun mhux biss il-linja tal-ajru tal-Gżejjer Maltin, iżda wkoll il-linja tal-ajru tal-Mediterran. Tenna kif bħala parti minn dan il-pjan se jiżdied ajruplan ieħor, filwaqt li stqarr li biex l-Air Malta tkun suċċess hemm bżonn koperazzjoni minn kulħadd. “Se jibdew taħdidiet kruċjali li m’hemmx appelli minnhom. Qed nuru li lesti nkabbru l-linja nazzjonali tal-ajru,” qal Joseph Muscat li ddikjara li dan hu l-mument importanti fejn l-imsieħba kollha jridu jifhmu l-bżonn tiegħu.
Il-Prim Ministru qal li l-bidliet li se jsiru għandhom jgħinu biex jidħol sieħeb strateġiku li jassigura l-ġejjieni tal-kumpanija u kull min jiddependi minnha.
Joseph Muscat irrefera wkoll għall- ftehim ta’ prinċipju bejn l-Air Malta u l-kumpanija tal-ajru low cost li għandu jgħin biex ir-Ryanair tasal sal-Afrika permezz ta’ codesharing mal-kumpanija Maltija.
Vot favur Malta
Il-Mexxej tal-Partit Laburista tkellem ukoll dwar kif għal moviment li jmexxi hu Malta tibqa’ tiġi l-ewwel u qabel kollox. Huwa b’dan il-ħsieb li ta l-parir lill-Membri tal-Parlament Ewropew tal-Partit Laburista, biex meta nhar it-Tlieta jivvotaw dwar in-nomina ta’ Simon Busuttil, biex ikun parti minn panel li jiġġudikaw l-Imħallfin għall-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, jkunu favur.
“Dak li nistennew minn ħaddieħor aħna l-ewwel li ngħamluh,” qal il-Prim Ministru. “Dan il-moviment ma jimxix bil-qrusa, ma jimxix bl-għira. Simon Busuttil Malti bħalna u aħna, hemm, inkunu miegħu,” qal Joseph Muscat li saħaq li jerfa’ hu r-responsabbiltà ta’ din id-deċiżjoni u ddeskriva din id-deċiżjoni bħala mument ieħor li juri li għall-Partit Laburista Malta l-Ewwel u Qabel Kollox.
Dwar il-fatt li Busuttil jista’ jkun fuq dan il-bord waqt li jkun għadu membru tal-Oppożizzjoni f’Malta u x’għandu jagħmel meta titressaq nomina tal-gvern Malti, Joseph Muscat, qal li hemm metodi ta’ rġulija u ta’ sens komun li għandhom jipprevalu.
Jingħalaq iċ-ċentru miftuħ fil-Marsa
Il-Prim Ministru tkellem dwar is-sigurtà fil-pajjiż u l-ħtieġa ta’ iktar infurzar.
Joseph Muscat ikkonferma li se jkun qed jingħalaq iċ-ċentru miftuħ tal-Marsa u għamel referenza għall-infurzar li żdied. Insista li hemm ċertu komportament anti-soċjali li mhux se jkun ittolerat u tenna li din il-kwistjoni ma tistax tkun injorata. “Jistgħu jkunu Maltin jew barranin, tisma’ b’affarijiet li ma jagħmlux post abitabbli,” qal Joseph Muscat.
Fiċ-ċentru tal-Marsa hemm biss 160 ruħ li se jittieħdu Ħal Far.
Joseph Muscat għamilha ċara li l-gvern mhux se jkun qed ineħħi l-problema mill-Marsa u jpoġġiha Birżebbuġa. U biex ma jsirx dan ingħataw struzzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti bil-għan li tiżdied il-preżenza kull fejn ikun hemm bżonn.
“Hemm bżonn ta’ diskussjoni dwar il-bżonn li ma noħolqux ghettos,” qal Joseph Muscat li peró esprima l-ħsieb li din trid issir wara li kulħadd jimxi mar-regoli.
Inbidlu t-toroq u l-karozzi
Il-Prim Ministru irrefera għax-xogħol li qed isir u li se jsir fl-infrastruttura. “Urejna kif l-affrijiet jistgħu jkunu aħjar bit-triq tal-Kappara,” qal Joseph Muscat.
Peró hawn iddikjara li mhux biss it-toroq għandhom jinbidlu, iżda anke l-karozzi. Innota kif sal-2025 l-Olanda se jwaqfu l-bejgħ tal-karozzi diesel u petrol u l-istess se jsir fir-Renju Unit u Franza sal-2040. F’Malta se titnieda konsultazzjoni biex tkun determinat data li fiha jsir l-istess.
Żied li Malta għandha tkun testing ground għall-karozzi elettriċi u vetturi li jużaw sorsi oħra ta’ enerġija. “Nuru li nemmnu fit-teknoloġija. Hemm ukoll l-aspett ambjentali. Issa li neħħejna l-Heavy Fuel Oil l-ikbar sors tat-tniġġiż huma l-karozzi,” qal il-Prim Ministru li fisser kif se tinbeda l-ħidma biex dan jitneħħa wkoll. Għawdex se jkollu l-opportunità li jkun minn ta’ quddiem f’din il-bidla.
L-isfida tal-iskart
Fuq l-aġenda tal-Mexxej Laburista wkoll l-isfida tal-iskart. Spjega kif il-leġiżlatura li għaddiet swiet biex il-gvern jagħmel ċerti studji. Jirriżulta li jekk nibqgħu sejrin kif aħna u anke jintlaħqu l-miri ta’ riċiklar, il-pajjiż se jkollu bżonn 50 tomna art kull numru ta’ snin (minn kull għaxar snin għal ammont li jonqos) biex jagħmel miżbla. Għalhekk, wara li ssir konsultazzjoni, trid tittieħed deċiżjoni dwar x’teknoloġija għandha ngħażlu li mmorru għaliha jekk ma rridux nispiċċaw pajjiż tal-miżbliet.
Inizjattiva oħra marbuta ma’ dan hi li tingħata spinta lill-iskema ta’ ritorn tal-flixken tal-plastik u ħġieġ.
Bidla
Dan kollu jrid isir flimkien ma’ riformi oħra li għad iridu jsiru, bħal estensjoni tal-VOT16, ġejjien mill-għatx għall-bidla tal-Moviment. “Se tisimgħu l-istess argumenti ta’ meta dan il-moviment ta l-vot lin-nisa u niżżel l-etá tal-vot minn 16 għal 18 –il sena,” qal Joseph Muscat li rrefera wkoll għas-suċċess tal-programm LEAD tal-Partit Laburista.
Quddiem din il-ħidma kollha Joseph Muscat temm id-diskors tiegħu b’messaġġ pożittiv. “Iż-żmien li ġej huwa żmien eċitanti. Irrid ngħixu flimkien magħkom. Se nkunu qed nidħlu għall-aqwa żmien,” qal Joseph Muscat. Il-Prim Ministru tenna li l-fatt li l-oppożizzjoni ma qabditx art m’għandux iwassal biex il-moviment tikbirlu rasu.
“Fi żmien meta m’hawnx oppożizzjoni fil-pajjiż ir-responsabbiltá tagħna hi ferm ikbar. Il-poter li fdalna l-poplu nużawh biex intejjbu l-ħajja tan-nies. Jekk naħdmu flimkien kif għamilna fdawn l-erba’ snin , kif ħdimna f’dawn il-mitt jum l-Aqwa Żmien għall-Pajjiżna għadu ġej,” qal Joseph Muscat.