Mitt jum wara li twaqqfet uffiċjalment l-Awtorita għall-Artijiet, tnedew il-logo u l-website l-ġdida tal-Awtorità li jikkumplimentaw il-bidliet strutturali u legali li saru fi ħdan l-Awtorita għall-Artijiet.
Mill-website se jkun possibbli li l-pubbliku japplika għall-iskemi tal-Awtorità kollha onlajn bid-dokumenti b’kollox u għalhekk ma jibqax il-bżonn li n-nies jmorru l-Awtorità huma nnfushom.
“Kien hemm qabża ta’ kwalità kbira biex illum qed nagħtu servizz ħafna aħjar lill-poplu u lestejna l-pedamenti sodi ta’ work ethic aħjar” saħqet is-segretarju Parlamentari responsabbli mis-settur Deborah Schembri.
Ma kinitx transizzjoni faċli minn dipartiment għal Awtorità speċjalment għaliex il-liġijiet tal-Artijiet tal-Gvern kienu sparpaljati f’diversi liġijiet. Iktar minn hekk il-Kabinett riċentament indirizza diversi diffikultajiet fil-liġi bħal ma huma problemi fil-liġijiet tal-qbiela tal-artijiet, trasferiment ta’ artijiet u akkwist tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv, Carlo Mifsud, għamel referenza għall-ikbar sfidi li hemm fi ħdan l-Awtorita primarjament in-nuqqas ta’ sistemi teknoloġoċi. “Hemm bżonn ta’ rivoluzzjoni sħiħa fil-qasam teknoloġiku” qal Mifsud. Bit-tnedija tal-website ikun l-ewwel pass, pass ieħor, li mistenni jibda sal-aħħar tas-sena, hu li l-files tal-Awtorità kollha ikunu idiġitalizzati u dan se jseħħ permezz ta’ finanzjament Ewropew.
Sfidi ewlenin oħra li identifika l-Kap Eżekuttiv huma n-nuqqas tar-riżors uman u ta’ uffiċini addattati- iżda fuq dawn iż-żewġ oqsma diġa beda x-xogħol biex id-diffikultajiet jingħelbu.
Fil-mitt jum li ilu mwaqqaf il-board tal-gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet diġà kienu approvati 50 applikazzjoni, stqarr ic-Chairman, Imħallef Emeritu Lino Farrugia Sacco, li wiegħed li iktar ma jgħaddi żmien, iktar il-board isir familjari mat-teknikalitajiet u jitħaffef il-proċess. “M’hemm l-ebda dubju li mexjin fit-triq it-tajba, imma irridu ftit żmien biex naslu għal dak li l-gvern irid”.