“Imwegħda u mwettqa.” Dan kien il-messaġġ ewlieni waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, indirizzata mid-Deputat Mexxej, Daniel Micallef, u mid-Deputat Laburista, Cressida Galea.
Il-konferenza saret proprju hekk kif għaddew l-ewwel mitt jum ta’ Gvern Laburista ġdid taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela.
Daniel Micallef qal li r-riformi li saru f’dawn l-ewwel mitt jum huma kisbiet ta’ pajjiż sħiħ. Huwa elenka numru ta’ riformi, fosthom dik dwar liġiji aktar b’saħħitha tal-IVF. Din kienet wegħda ewlenija fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, ‘Malta Flimkien’, li permezz tagħha aktar persuni se jkunu jistgħu jsiru ġenituri.
Id-Deputat Mexxej Laburista nnota d-differenza bejn il-PN u l-PL dwar din ir-riforma, hekk kif l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tinsab maqsuma dwarha.
Wegħda oħra li semma Micallef hija dik li l-artijiet fiż-Żonqor u art f’Bormla li kellha tinbena mill-American University of Malta jingħataw lura lin-nies, filwaqt li l-iSmartCity se tibqa’ tingħata l-ħajja u ssir waħda mid-destinazzjonijiet ewlenin f’pajjiżna. Huwa semma wkoll li riforma oħra hija rigward il-liġi li titratta l-femiċidju fil-Kodiċi Kriminali.
Min-naħa tagħha, id-deputat Cressida Galea spjegat kif, quddiem realtajiet u sfidi internazzjonali, il-Gvern mhux talli ma dawwarx wiċċu, talli indirizzahom u ħa l-passi dwarhom. Fakkret ukoll li, f’dan iż-żmien, Malta tneħħiet mil-lista l-griża tal-FATF.
Id-deputat Galea semmiet kif il-mandat ġdid u b’saħħtu li ngħata mill-elettorat f’Marzu li għadda se jkompli jixpruna lill-Gvern biex pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem biex minn sfidi joffri opportunitajiet.