Fit-tnedija tal-mitt idea li nibtu mill-prinċipji fundamentali tal-Partit Laburisti, bosta fissru li xorta spikka l-għatx li anke missirijietna kellhom.
Iċ-Chairperson tal-forum “Politika Ilkoll Indaqs”, Rebecca Buttigieg spjegat li din se twassal ideat dwar kif persuni b’diżabilità jistgħu jipparteċipaw aħjar fil-ħajja pubblika. Spjegat ukoll li hija ottimista li b’dawn l-ideat, is-soċjetà tkun aktar ugwali.
Hija qalet, “L-ugwaljanza għalina għadha tfisser li kulħadd għandu jingħata servizz ta’ saħħa pubblika speċjalizzat, inklużi persuni transesswali li, minkejja l-avvanzi li għamilna, għad għandhom diffikultajiet biex ikellmuna dwarhom.”
Steve Ellul, Chairperson ta’ “Ġid Li Jasal Għand Kulħadd”, spjega li ġew proposti ideat li se jwasslu lejn mudell ekonomiku ġdid li jiffoka fuq niċeċ ekonomiċi sostenibbli. B’dawn, il-ħaddiema Maltin u Għawdxin se ikunu preparati għax-xogħlijiet tal-lum u ta’ għada, se jissaħħu l-finanzi tal-pajjiż u jkompli jiġi sostnut turiżmu ta’ kwalità.
Huwa stqarr: “Ambizzjoni li naraw li wliedna ikollhom futur sabiħ, li wliedna ikollhom pajjiż, ikollhom ekonomija, fuq kollox isibu nazzjon li ikun aktar moderna. Aktar b’saħħitha milli ssibna aħna.”
Hawnhekk ġie diskuss ukoll il-potenzjal ta’ Għawdex, gżira b’karatteristiċi u potenzjal differenti ferm minn Malta, li wriet kemm kapaċi tkun mutur ekonomiku tajjeb.
B’dawn l-ideat, Għawdex ikompli jimxi il-quddiem u isir destinazzjoni ta’ eċċelenza, kif spjegat Monica Farrugia, Chairperson tal-Forum dwar Għawdex.
Hija sostniet: “Il-Partit Laburista qatt ma kkunsidra lil Għawdex bħala mażra jew bħala piż żejjed. Dan kollu jidher mill-aħħar tmien snin ta’ Gvern Laburista, fejn l-ekonomija ta’ Għawdex kibret b’mod mgħaġġel.”
L-ideat huma l-aktar għoddod effettivi u b’saħħithom sabiex ikompli jinħoloq l-ġid u jiġi assigurat futur b’saħħtu u mimli opportunitajiet għal Għawdxin u l-Maltin. Dan fissru ċ-Chairperon tal-Forum dwar il-qafas demokratiku ta’ Malta, Jonathan Attard, li qal li jinsab konvint li b’dawn l-ideat, se jissaħħu l-kredenzjali demokratiċi tal-pajjiż.
Huwa saħaq: “Inħares ‘il quddiem biex din l-inizjattiva, mitt ideat, jidħlu fl-istadju li jmiss, għaliex konvint li se tkun għodda importanti ħafna u effettiva biex titwettaq l-ambizzjoni ċara li għandu il-Partit Laburista.”