“Fl-aħħar xhur, mhux biss iġġeddidna fl-istrutturi u fil-persuni, iżda iktar importanti minn hekk, iġġeddidna fil-ħsieb.”
Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’messaġġ irrekordjat li xxandar waqt Business Breakfast mtella’ mill-Partit Laburista bħala parti mill-konsultazzjoni dwar id-dokument ‘100 IDEA.’
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal kif f’dan l-eżerċizzju qed jitwettaq proċess li permezz tiegħu ġew żviluppati ħsibijiet dwar għaxar oqsma li lkoll huma importanti.
Huwa qal, “Smajna u kkonsultajna għaliex nemmnu li kulħadd għandu x’joffri, u huwa meta niġu flimkien li joħorġu l-aqwa ideat. Għalina l-prinċipji jibqgħu konsistenti. Irridu li nibqgħu l-partit tax-xogħol, tal-għaqal fit-tmexxija u dak li jassigura t-tqassim tal-ġid b’mod ġust.”
Il-Prim Ministru sostna wkoll kif kulħadd se jibqa’ jsib il-Partit Laburista bħala strument qawwi ta’ bidla. Partit konvint mill-fatt li s-suċċessi li kiseb sal-lum huma biss il-motivazzjoni biex bħala Għawdxin u Maltin niksbu aktar flimkien.
Filwaqt li intervjenew bosta persuni u ġew diskussi fora differenti li sawru l-kunċett tal-100 IDEA, waqt il-Business Breakfast, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef qal kif il-messaġġ aħħari wara l-100 Idea hija l-aġenda riformista tal-Partit Laburista.
Huwa sostna: “It-triq ’il quddiem issa hija li nibdew aktar u aktar napprofondixxu d-diskussjonijiet fuq aspetti partikolari ta’ dawn il-100 Idea. Ħa jkunu il-fergħat tal-Partit imma flimkien mal-istakeholders rispettivi.”
Il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard tenniet kif is-sabiħ tal-Parit Laburista huwa li ma jieqaf qatt isaqqsi: “Naħseb dan huwa element li jidher fina u li huwa l-element tat-tiġdid. Nistgħu ngħidu aħna komdi, aħna qegħdin fil-Gvern, is-sistema elettorali dan l-aħħar kienet komda żgur għalina elezzjoni wara oħra u ma nistaqsux. Però l-għan tagħna kien li dan il-proċess, dan il-proġett xprunata mid-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef, iservi bħala pjattaforma sabiex noħolmu u sabiex insaqqsu.”