Madwar 100 persuna mistennija jitressqu l-Qorti fil-ġimgħat li ġejjin b’rabta ma’ każ li fih il-Pulizija Maltija kissret ċirku ta’ distribuzzjoni ta’ materjal meqjus pornografiku u saħansitra revenge porn.
Imkejjen qrib l-investigazzjoni li f’dan l-istadju ftit li xejn xtaqu jagħtu dettalji, kienu kwotati jikkonfermaw it-tagħrif mill-gazzetta KullĦadd. Il-gazzetta rrapportat li dan huwa każ li oriġina minn żewġ adolexxenti iżda mbagħad it-tixrid tal-filmati u tar-ritratti permezz tal-midja soċjali, partikolarment WhatsApp u Facebook, tant infirex li hemm kważi 100 persuna involuti.
Fost dawn il-persuni hemm min se jitressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati għax għandhom iktar minn 16-il sena u jridu jwieġbu għal diversi akkużi quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli. Fil-każ tal-minorenni, dawn mistennija jitressqu quddiem il-Qorti tal-Minorenni quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke. L-istħarriġ qed jitmexxa mill-Iskwadra tal-Pulizija kontra l-Vizzji.