Nhar it-Tnejn li ġej, il-Papa Franġisku se jkun ilu 10 snin fir-rwol tiegħu. Infatti, il-Papa Franġisku ġie elett fit-13 ta’ Marzu 2013 u beda uffiċjalment il-ministeru pastorali tiegħu bħala Isqof ta’ Ruma u Ragħaj tal-Knisja Universali fid-19 ta’ Marzu 2013, fis-Solennità ta’ San Ġużepp.
Sabiex jimmarka din l-okkażjoni, nhar is-Sibt 18 ta’ Marzu 2023, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Jude Scicluna se jiċċelebra quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Din se tkun ċelebrazzjoni miftuħa għal kulħadd, u tibda fid-9:30am. Fi stqarrija l-Kurja qalet li s-saċerdoti kollha li ma jkunux impenjati f’ħidma pastorali dak il-ħin huma mistiedna jikkonċelebraw f’din il-quddiesa. Il-kongregazzjonijiet reliġjużi, l-għaqdiet u l-movimenti huma mħeġġa wkoll biex jattendu.
Intant, hekk kif ilberaħ ġie ċċelebrat jum il-mara, Vatican News irrapporta li fl-aħħar għaxar snin, in-numru ta’ nisa impjegati fil-Vatikan żdied b’mod sinifikanti għal 1,165. Fl-2013, kien hemm 846. Skont Vatican News, qatt qabel ma kien daqshekk għoli in-numru ta’ impjegati nisa u s-sehem tagħhom, filwaqt li n-numru ta’ nisa f’karigi ta’ tmexxija tal-Vatikan kiber ukoll taħt Franġisku.