Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal fakkar fl-investiment soċjali li qed isir biex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja, mhux b’inqas ta’ dawk vulnerabbli. Dan filwaqt li ħa nota tal-kummenti li saru fil-pubblikazzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (l-NAO), tar-rapport ta’ awditjar intitolat ‘Ensuring fair non-contributory social benefits and safeguarding against related fraud’.
Il-Ministeru qal li r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport se jiġu kkunsidrati biex, skont u fejn meħtieġ, tittieħed azzjoni. Ir-rapport kellu l-għan li jistħarreġ l-operat tat-Taqsima tal-Osservanza tal-Benefiċċji.
Il-Ministeru qal li l-analiżi fir-rapport, li saret b’mod arbitrarju, iffukat fuq tip wieħed ta’ familja biex jinstab jekk id-dħul disponibbli ta’ din il-familja – li l-ebda wieħed mill-membri tagħha mhu f’qagħda li jaħdem – ikunx biżżejjed biex ilaħħqu mill-ħtiġiet bażiċi.
“Huwa magħruf sew li x-xibka ta’ ħarsien soċjali f’dawn l-aħħar snin issaħħet sew bil-varar ta’ riformi soċjali u titjib fil-benefiċċji bil-għan li tkun tista’ tilqa’ għal sfidi u għal aspirazzjonijiet li minn żmien għall-ieħor jinbidlu” qal il-Ministeru.
Fakkar li, flimkien ma’ miżuri maħsuba biex tissaħħaħ l-adegwatezza tal-pensjonijiet u l-assistenza għall-anzjani u għall-familji vulnerabbli, il-Gvern introduċa inizjattivi biex iħajru persuni jinqatgħu mid-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali u tad-diżimpjieg u jsibu mpjieg li jagħtihom sigurtà finanzjarja. Dawn l-inizjattivi għenu biex tonqos iż-żieda fil-benefiċjarji li, sal-2014 u l-2015, kienet dejjem qed tikber u wasslu biex eluf – l-aktar nisa u ġenituri waħedhom – mhux biss sabu impjieg iżda, aktar minn hekk, baqgħu fid-dinja tax-xogħol.
Il-Ministeru fakkar li l-iskop aħħari tas-sistema tal-benefiċċji mhux kontributorji, b’mod partikulari dawk li jiddependu minn test tal-mezzi, ċertament mhux li tipprovdi kumdità finanzjarja għal individwi li jistgħu jaħdmu bi qligħ jew li għandhom ġid sinifikanti. Għall-kuntrarju, dawn il-benefiċċji huma mmirati biex jagħtu sostenn lil familji bi dħul baxx u persuni li, bla ma jridu, qed jiddependu fuq il-ħarsien soċjali minħabba ċirkustanzi tal-ħajja, kundizzjonijiet ta’ saħħa jew diżabilità u li jxekkluhom li jsibu mpjieg. Għalhekk, f’dawn l-aħħar għaxar snin, tnedew miżuri u riformi bil-għan li jitkattar id-dħul tagħhom kif ukoll is-servizzi li jirċievu.
Dawn jinkludu riformi mfassla biex jgħinu aktar persuni b’diżabilità severa u dawk li jieħdu ħsieb qrabathom; il-ħlas sħiħ tal-COLA minflok żewġ terzi, kif kien isir lil benefiċjarji fuq l-assistenza soċjali; l-introduzzjoni tas-suppliment għal kull tifel u tifla flimkien maċ-children’s allowance li bejniethom żdiedu kważi €5 fil-ġimgħa għal kull wild; titjib sostanzjali fl-Allowance Supplimentari; u ż-żieda b’disa’ darbet tal-carers’ grant lil ġenituri li jieħdu ħsieb tfal b’diżabilità severa.
Barra minn hekk, is-sena l-oħra daħal fis-seħħ il-mekkaniżmu biex jitħallas sa massimu ta’ €1,200 lil familji bi dħul baxx biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja.
Bħala riżultat tat-titjib u t-twessigħ tas-sistema soċjali, id-dħul disponibbli għal familji li jiddependu fuq l-assistenza soċjali kiber sew.
Kategorija | Benefiċċji 2012 | Dħul 2012 | Benefiċċji 2023 | Dħul 2023 | Żieda € | Żieda % | |
Koppja fuq Assistenza Soċjali (2 itfal) taħt is-16-il sena (ma hemmx mard jew diżabilità fil-familja) | Assistenza Soċjali, u Children Allowance | €8,984 | Assistenza Soċjali, Children Allowance | €10,827 | €1,843 | 17.0 | |
Koppja fuq Assistenza Soċjali (2 itfal ma jaħdmux) fuq is-16-il sena (ma hemmx mard jew diżabilità fil-familja) | Assistenza Soċjali, u Allowance Supplimentari | €7,095 | Assistenza Soċjali, Allowance Supplimentari | €9,102 | €2,007 | 28.3 | |
Koppja fuq Assistenza Soċjali (2 itfal) taħt is-16-il sena, wild minnhom b’diżabilità | Assistenza Soċjali, Children Allowance u Allowance għal Wild b’Diżabilità | €9,832 | Assistenza Soċjali, Children Allowance, Allowance għal Wild b’Diżabilità | €12,387 | €2,555 | 26.0 | |
Koppja fuq Assistenza Soċjali (2 itfal) taħt is-16-il sena u persuna waħda b’mard kroniku | Assistenza Soċjali, Assistenza Medika u Children Allowance | €10,195 | Assistenza Soċjali, Assistenza Medika, Children Allowance | €12,275 | €2,080 | 20.4 | |
Koppja fuq Assistenza Soċjali (2 itfal) taħt is-16-il sena u żewġ persuni b’mard kroniku | Assistenza Soċjali, Assistenza Medika u Children Allowance | €11,139 | Assistenza Soċjali, Assistenza Medika, Children Allowance | €13,929 | €2,790 | 25.1 | |
Koppja fuq Assistenza Soċjali (2 itfal) taħt is-16-il sena, konjuġi wieħed b’mard kroniku u invalidu serjament u l-konjuġi l-ieħor jieħu ħsiebu | Pensjoni tal-Wens, Assistenza Medika, u Children Allowance | €8,925 | Allowance Miżjuda għal Carers, Assistenza Soċjali, Assistenza Medika, Children Allowance | €14,287 | €5,362 | 60.1 | |
Koppja fuq Assistenza Soċjali (2 itfal), wild minnhom taħt is-16-il sena, wild ieħor fuq is-16-il sena b’diżabilità severa | Assistenza Soċjali, Children Allowance u Pensjoni għal Diżabilità | €13,003 | Assistenza Soċjali, Children Allowance, Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa u Carers Grant | €23,284 | €10,281 | 79.1 | |
Koppja fuq Assistenza Soċjali (2 itfal), (2 itfal fuq is-16-il sena) wild minnhom b’diżabilità severa | Assistenza Soċjali, Allowance Suppplimentari u Pensjoni għal Diżabilità | €12,270 | Assistenza Soċjali, Allowance Supplimentari, Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa, Carers Grant | €22,972 | €10,702 | 87.2 |