Fl-aħħar ta’ Awwissu ta’ għaxar snin ilu, Gvern Laburista kien inawgura l-proġett ta’ riġenerazzjoni u tisbiħ tal-Baċir Numru 1 f’Bormla. Minn proġett kompletament abbandunat, perikoluż u b’nuqqas ta’ aċċess għan-nies, iż-żona nbidlet għal wieħed mill-isbaħ postijiet ta’ rikreazzjoni għall-familji kollha fil-qalba ta’ waħda mit-Tlett Ibliet tal-Kottonera.
Il-proġett, li kien ilu żmien twil imwiegħed minn Gvern Nazzjonalista ta’ qabel l-2013, spiċċa b’xogħlijiet nofs leħja u kien tħalla kullimkien imkisser.
B’konsegwenza ta’ dan, f’Awwissu tal-2011, mara kienet waqgħet u ftit wara sfortunatament mietet kawża ta’ emoroġija.
L-istorja tal-Baċir Numru 1 tmur lura għal nofs is-Seklu 19 meta dan il-post kien jintuża bħala mezz għall-manutenzjoni tal-vapuri, bħala parti mit-Tarzna.
Kellu jkun Gvern Laburista wara l-2013 li jikkonkludi x-xogħlijiet u jemenda dak li tħalla frott l-irresponsabbiltà ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista, immexxija mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Dawn twettqu kollha taħt il-ħarsien tal-Ministru Joe Mizzi, li dak iż-żmien kien responsabbli mit-trasport u l-infrastruttura fl-ewwel ammistrazzjoni Laburista tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
L-iżvilupp miljunarju wassal għall-ogħla livell li qatt kienet fih din iż-żona, waqt li mad-dawra tiegħu nfetħu restoranti u kafetteriji, sar ir-restawr tal-binjiet storiċi biswit il-proġett, li akkomodaw l-Università Amerikana f’Malta.
Fil-qalba taż-żona wkoll żdied pont tal-ħadid, li jagħmilha aktar faċli biex wieħed jaqsam min-naħa għall-oħra bejn Bormla u x-xatt li jagħti għall-Isla.
Minbarra hekk, aktar tard iż-żona rat ukoll iż-żieda ta’ moll modern fejn ikun jista’ jitrakka l-vapur biex isiru t-traġitti bejn il-Kottonera u l-Belt Valletta, servizz li mill-bidu ta’ din is-sena sar bla ħlas lil min għandu t-Tallinja Card.
Illum il-ġurnata, apparti li qed titgawda bl-aqwa mod minn kull min jgħix hemm jew iżurha, iż-żona saret tospita diversi avvenimenti matul is-sena. Fost dawn hemm l-avveniment ‘Dock Music’, li se jsir fl-20 ta’ Settembru li ġej.