Għaxar snin ilu. Nhar l-Erbgħa, 13 ta’ Marzu 2013.
Isir l-aħħar vot fil-konklavi f’Kappella Sistina, Kardinal iġib biżżejjed voti u l-Knisja Kattolika kien se jkollha rgħaj ġdid.
Għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija duħħan abjad beda ħiereġ miċ-ċumnija tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, eluf ta’ nies bdew jinġabru fi Pjazza San Pietru u miljuni oħra segwew minn ġo djarhom.
Il-Kardinal proto-djaknu Jean-Louis Tauran għamel it-tħabbira solenni lin-nies fit-tmienja u kwart ta’ filgħaxija mill-gallarija ċentrali tal-Bażilika tal-Vatikan.
Habemus Papa, Għandna Papa. Il-Kardinal Arġentin Jorge Mario Bergolio se jkun il-Isoqf ta’ Ruma.
Ċapċip u għajat kbir dakhinar dewa mal-kolonni ta’ Bernini fl-iżgħar stat tad-dinja, hekk kif tħabbar ukoll li għall-ewwel darba, it-265 suċċessur ta’ Pietru kien se jagħżel l-isem ta’ Franġisku, kien se jkun ġiżwita u ċittadin tal-Amerika Latina.
Kien għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħaxija li l-Papa ġdid, li ħareġ wara s-salib fil-gallerija ta’ San Pietru, deher għall-ewwel darba fil-pubbliku liebes sempliċiment l-abjad.
Huwa indirizza lill-folla enormi li nġabret minn wara nofshinar fil-bard u x-xita fi Pjazza Vatikan u hawnhekk talab l-Urbi er Orbi.
Fl-ewwel diskors tiegħu, Papa Franġisku qal “Intom tafu li d-dmir tal-konklavi kien dak li jagħti Isqof lil Ruma. Jidher li ħuti l-Kardinali marru jfittxuh kważi f’tarf id-dinja.” Huwa talab għall-predeċessur tiegħu, illum il-mibki Papa Benedittu Sittax.
Il-Papa Franġisku, li tul il-pontifikat tiegħu għamel 40 żjara Appostolika, inkluż f’Malta, żgur se jibqa’ mfakkar għall-mod kif dejjem ħadem u appella għall-paċi.